Għalliema li tgħix f’San Ġwann qasmet l-esperjenza xejn sabiħa li kellha dalgħodu hekk kif kienet se titlaq lejn ix-xogħol għall-ewwel jum tal-iskola, meta sabet il-karozza tagħha bi ħġieġa miksura. F’kitba fuq il-grupp San Gwann Residents, hija spjegat li matul il-lejl kien hemm grupp ta’ żgħażagħ li, skont hi, kienu qed jagħmlu party fuq gallarija fi Triq Bellavista, proprju fis-sular ta’ fuq minn fejn kienet ipparkjata l-karozza tagħha.

Hija sostniet li ż-żgħażagħ kienu qed jagħmlu ħafna storbju u filgħodu sabet il-karozza tagħha bi ħġieġa mkissra. Minħabba dak li ġara, qalet li kienet se tispiċċa tasal tard għax-xogħol f’ġurnata partikolarment importanti għaliha u għall-istudenti tagħha. “Jiena għalliema u llum huwa l-ewwel jum tal-iskola. Se nasal tard għax-xogħol u nitlef din il-ġurnata importanti għall-istudenti tiegħi,” kitbet, filwaqt li semmiet ukoll il-ħsara u l-ħin li se jkollha titlef minħabba l-inċident.
Fil-bidu, il-mara qalet li kienet ġiet infurmata biex tagħmel rapport online. Madankollu, aktar tard aġġornat il-kitba tagħha u spjegat li marret personalment għand il-Pulizija biex tagħmel ir-rapport. Fit-tieni aġġornament tagħha, hija kellha kliem ta’ tifħir għall-mod kif ġiet trattata mill-Pulizija. Qalet li l-uffiċjali kienu ta' għajnuna kbira u li nfetaħ każ dwar dak li ġara.

Skont il-mara, il-Pulizija se jkunu qed jiċċekkjaw il-filmati disponibbli minn cameras fl-inħawi, filwaqt li faħħret lill-uffiċjal li assistieha u ddeskrivietu bħala ġentili ħafna u ta’ serħan il-moħħ.
Il-mara temmet il-messaġġ tagħha billi wissiet lil residenti oħra biex joqogħdu attenti.
Facebook / San Gwann Residents