Ftit xhur wara li ħalla din id-dinja ibnu Jake Vella ta’ 15-il sena, Josie jisħaq li għadu jbati sal-lum il-ġurnata iżda jistqarr li madankollu jħossu kburi u sodisfatt li Jake kien ibnu.
“Il-ħajja bit-tifel ma kinitx waħda faċli,” jirrakkonta Josie li jsemmi kif għamel 665 lejl maġenb ibnu fl-isptar Mater Dei. B’dieqa jiftakar kif eżattament fit-30 t’Awwissu, hu qatta l-aħħar lejl maġenb ibnu hekk kif wara, Jake tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-kundizzjoni rari tar-ROHHAD.
“Għal ħafna mumenti kont naħseb li jien u l-kelba se nibqgħu fid-dar,” stqarr Josie li semma kif l-irwol tiegħu fil-familja kien sar iżjed diffiċli meta martu mardet bil-kanċer. Madankollu, b’xorti tajba “issa tinsab aħjar”.
Josie temm il-messaġġ tiegħu billi appella lill-ġenituri kollha sabiex iħobbu lil uliedhom kemm jistgħu għaliex ifakkar li t-telfa tagħhom hija “kbira ħafna”.
Missier Jake ġie magħżul sabiex nhar il-Ħadd li ġej fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jirrappreżenta lil missirijiet oħrajn li bħalu tilfu lil uliedhom billi jaqsam l-esperjenza tiegħu.
Kuraġġ, Josie!
Ritratti: Facebook / Jake Vella