Inbdiet operazzjoni biex jiżżarma tower crane abbandunat f’San Pawl il-Baħar, wara li tqajmu tħassib dwar is-sigurtà tar-residenti u tal-pubbliku.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-għan kien li titneħħa struttura ta’ tower crane li setgħet toħloq periklu għal terzi u għan-nies tal-madwar.

It-tower crane kien jinsab f’sit ta’ kostruzzjoni abbandunat fi Triq Jean de La Cassier, f’San Pawl il-Baħar. Iż-żewġ awtoritajiet kienu rċevew diversi ilmenti minn residenti tal-inħawi dwar l-istat tal-istruttura. Wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, ġie stabbilit li l-crane kien tħalla abbandunat, u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jitneħħa sabiex jiġi evitat kull riskju possibbli għar-residenti u għal partijiet terzi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet li l-awtorità se tkompli taħdem b’mod proattiv biex tindirizza sitwazzjonijiet fejn makkinarju jew siti jistgħu jpoġġu f’periklu s-saħħa u s-sigurtà, mhux biss tal-ħaddiema iżda wkoll tal-pubbliku. Hija esprimiet sodisfazzjon li din l-operazzjoni, li saret b’kollaborazzjoni mal-BCA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġiet konkluża b’suċċess.

Għall-operazzjoni kien preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, li spjega li dan il-każ juri kif l-awtorità qed tieħu approċċ aktar proattiv biex jiġu evitati inċidenti.
Huwa qal li d-deċiżjoni li jiżżarma t-tower crane ttieħdet wara li matul l-aħħar jiem saru diversi tentattivi mill-BCA u l-OHSA biex isir kuntatt mas-sidien tas-sit u tal-crane, iżda dawn ma rnexxewx. Minħabba f’hekk, fl-aħħar sigħat intalbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex titwettaq l-operazzjoni taż-żarmar, taħt is-superviżjoni tal-BCA u l-OHSA, li huma l-awtoritajiet responsabbli rispettivament mis-sigurtà fil-kostruzzjoni u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.