Pass storiku għall-arti performattiva Maltija: The Monster Bride – musical maħdum minn kompożituri Maltin – se jiġi studjat u mtella’ fil-prestiġjuża Guildford School of Acting fir-Renju Unit.

Il-kompożituri Maltin Kris Spiteri u Boris Čezek kisbu suċċess ieħor sinifikanti hekk kif il-musical oriġinali tagħhom The Monster Bride, miktub flimkien mad-drammaturgu Brendan Cull u ispirat mir-rumanz Never the Bride ta’ Paul Magrs, se jkun parti minn programm ta’ studju u produzzjoni fi ħdan din l-istituzzjoni rinomata.
Dan huwa mument bla preċedent għal pajjiżna, hekk kif hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li musical maħdum minn kompożituri Maltin se jiġi studjat u mtella’ f’programm postgraduate ta’ konservatorju fir-Renju Unit.
Il-Guildford School of Acting hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa skejjel tad-drama fir-Renju Unit, magħrufa għat-taħriġ rigoruż tagħha u r-reputazzjoni soda fl-industrija teatrali.

Ritratti: Brendal Cull, Kris Spiteri, Boris Čezek
Spiteri u Čezek mhumiex ġodda għas-suċċess barra minn xtutna. Preċedentement ħadmu flimkien fuq Porn the Musical, li rebaħ il-premju ta’ Best New Musical fl-Off West End Theatre Awards f’Londra u ġie magħżul bħala Critic’s Choice minn Time Out London. Il-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom fuq The Monster Bride qed tkompli ssaħħaħ il-preżenza dejjem tikber ta’ artisti Maltin fix-xena internazzjonali tal-musical theatre.
L-interess għall-produzzjoni fir-Renju Unit kien straordinarju, tant li l-avveniment diġà huwa kompletament sold out, sinjal ċar tal-entużjażmu u l-aspettattivi għoljin madwar dan il-proġett.