“B’Niket Kbir U Qalb Maqsuma, Inħabbru T-Telfa Ta’ Missierna L-Għażiż” – Is-Supretendent Tas-Saħħa Charmaine Gauci

Is-Supretendent Tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, ittella din l-aħbar kerha dwar it-telfa ta’ missierha.

“B’niket kbir u qalbna maqsuma, inħabbru t-telfa ta’ missierna l-għażiż, Joseph Tanti, li ħalliena fil-paċi, imdawwar mill-familja li tant kienet tħobbu.

Nagħżlu mhux biss li nibku t-telfa tiegħu, iżda li niċċelebraw il-ħajja sabiħa li għex. Raġel ta’ saħħa, dedikazzjoni u għerf, ħadem bla waqfien biex irabbi lilna, iż-żewġ uliedu, jiggwidana biex nikbru għaqlin, b’saħħitna u nimxu wara l-ħolm tagħna. Kliemu, “studja, studja,” se jibqa’ jdoqq għal dejjem f’qalbna, għax tassew kien jemmen li l-għerf huwa l-akbar rigal tal-ħajja.

Missierna kien espert f’dak kollu li kien jagħmel. Kull ħaġa li jagħżel li jagħmel, kien jagħmilha b’ħila, b’kburija u b’sengħa vera. Kien maħbub u rispettat ħafna kull fejn ħadem, u ħalla marka fuq kull min kien jafh.

L-imħabba tiegħu lejn il-familja kienet bla qies. Laqa’ lis-sħab tagħna bħala tiegħu, u n-neputijiet tiegħu Francesca, Alex u Daniel kienu l-akbar ferħ tiegħu. Aktar tard, Sarah ingħaqdet mal-familja. Fuq kollox, l-imħabba tiegħu lejn ommna kienet soda u qatt ma tbiddlet; kien iħobbha u jżommha għal qalbu, u dejjem kien jiżgura li tkun kuntenta.

Flimkien, il-ġenituri tagħna għallmuna l-valur veru tal-ħajja: napprezzaw l-affarijiet sempliċi, inkunu kuntenti b’dak li għandna, u fuq kollox, inżommu lill-familja qrib tagħna.

Nistednukom tingħaqdu magħna biex niċċelebraw ħajtu nhar il-Ħamis 23 ta’ April fit-8:30am fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta.

Ittajjar għoli, Pa. Jalla tilħaq is-smewwiet li tassew jistħoqqlok. Dejjem tibqa’ tgħix f’qalbna.”

Kondoljanzi lill-familja u qraba f’din it-telfa tant kiefra.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI