Pazjent Malti Bil-Kanċer Imut Wara Li Mar Fir-Renju Unit Għall-Kura U Ħa L-Covid-19

Familja Maltija tħalliet b’qalba maqsuma wara li membru tal-familja tagħhom kellu jsiefer għall-kura tal-kanċer fir-Renju Unit u spiċċa qabad il-virus li swielu ħajtu.

Il-familja tkellmet mas-sit Lovin’ Malta fejn talbu li jibqgħu anonimi f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom. Jidher li r-raġel ta’ 50 sena kien qed jiġġieled kontra kanċer f’dahru u ġie mitlub li jsiefer barra minn xtutna għal operazzjoni li kellha ċans baxx ta’ suċċess iżda r-raġel xtaq li jmur u jieħu ċans sabiex jegħleb din il-marda kerha.

L-operazzjoni kienet suċċess, u r-raġel kien fi triqtu biex jegħleb il-kanċer iżda ftit wara skopra li hu pożittiv għall-Covid-19. Huwa spiċċa miet ftit jiem wara, b’martu biss fir-Renju Unit miegħu.

Membru tal-familja qal lil Lovin’ Malta, “Il-problema hi li kellu ċans ta’ 5% li jgħix, u għamilha, biex spiċċa miet bil-Covid-19… tmur l-isptar biex titfejjaq, mhux biex ma jaqbdek xi ħaġa oħra u tmut, aħseb u ara li jkollok tmut barra minn pajjiżek.”

Il-familja jqajmu punt li qam dan l-aħħar minn pazjenta oħra, huma qalu għandna sptar li niftaħru tant bih iżda ħafna drabi pazjenti b’kundizzjonijiet rari jew diffiċli xorta jintalbu jmorru barra mill-pajjiż. Għala dawn il-pazjenti mhux qed jiġu trattati f’pajjiżna?







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI