Aktar minn 1,000 persuna ffirmaw petizzjoni li qed titlob lill-Gvern ibiddel ir-regoli tal-iskema taċ-childcare b'xejn sabiex il-ġenituri ma jibqgħux jiġu penalizzati meta jżommu lit-tfal morda d-dar. Il-petizzjoni, appoġġjata minn 65 operatur li jmexxu madwar 80 ċentru taċ-childcare, tgħid li s-sistema attwali qed twassal biex tfal li għadhom morda jintbagħtu fiċ-ċentri, u b'hekk il-mard jinfirex fost tfal oħra u l-istaff.
Pia Darmanin, li tmexxi erba' ċentri taċ-childcare, qalet li din hija waħda mill-akbar sfidi li qed jaffaċċja s-settur. Hija qed tipproponi li jiddaħħal allowance speċjali għall-ġranet ta' mard iċċertifikati minn tabib, simili għas-sick leave fuq il-post tax-xogħol.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Impjiegi qal li r-regoli attwali huma maħsuba biex ikopru wkoll il-perjodi ta' mard u sostna li bejn l-2025 u l-2028 madwar €69 miljun se jintefqu biex ikopru sigħat ta' assenza taħt l-iskema. L-operaturi qajmu wkoll tħassib dwar nuqqas ta' staff, dewmien fil-proċessi amministrattivi u nuqqas ta' appoġġ adegwat għal tfal b'diżabilità fiċ-ċentri taċ-childcare.