Filwaqt li fuq il-midja soċjali bdew jiċċirkolaw tbassir u mapep dwar il-possibbiltà ta’ ċiklun fil-Mediterran, il-paġna Mid-Djarju Tat-Timba appellat biex in-nies iżommu saqajhom mal-art u ma jinħoloqx allarm bla bżonn. Il-paġna spjegat li t-tbassir tat-temp jista’ jinbidel kontinwament u għalhekk mapep li jħarsu diversi jiem ’il quddiem m’għandhomx jiġu interpretati bħala ċertezza.
“Jekk Alla jrid se nibdew inwerwru n-nies b’ritratti ta’ ċiklun li qed ibassru li dieħel lejn il-Mediterran fi tmiem din il-ġimgħa. Aħjar kulħadd iżomm saqajh mal-art,” kitbet il-paġna. Skont l-aħħar indikazzjonijiet imsemmija fil-post, bħalissa jidher li Malta tista’ tesperjenza taqlib fit-temp l-aktar matul il-Ħadd li ġej. Madankollu, ġie enfasizzat li s’issa dan jidher aktar bħala maltemp normali li wieħed jista’ jistenna mal-ewwel taqlibiet, aktar milli xi fenomenu straordinarju.
“Iġġennux in-nies, ħbieb, u kull ritratt li ssibu ttellgħuhx jekk ma tifhmux x’hemm indikat,” kompla l-appell, filwaqt li l-paġna assigurat lis-segwaċi li jekk ikun hemm xi żvilupp mhux normali, dan jiġi kkomunikat. Intant, fil-jiem li ġejjin mistennija tibda ttaffi xi ftit is-sħana u t-temperaturi jsiru aktar aċċettabbli.
Għal-lum, it-temp mistenni jibqa’ xemxi għalkemm imċajpar, b’temperatura massima ta’ 36°C u minima ta’ 29°C. It-temperatura tal-baħar tinsab madwar 29°C, filwaqt li l-umdità dalgħodu kienet ta’ 88%. Ir-riħ mistenni jkun ħafif sa sirda mill-Punent Majjistru.