Somma Rekord Ta’ €1.78 Miljun Tinġabar Għal Dar Bjorn – Id-Donazzjonijiet Għadhom Miftuħa

Is-somma impressjonanti ta’ €1,782,136 inġabret b’risq Dar Bjorn waqt il-maratona ġbir ta' fondi b'risq ALS Malta+ li sar matul il-ġurnata tal-Ħadd. Kien Bjorn Formosa stess li dalgħodu ħabbar iċ-ċifra finali permezz tal-midja soċjali, fejn iddeskriviha bħala somma rekord u rringrazzja minn qalbu lil kull min ta l-kontribut tiegħu.

“GRAZZI mill-qalb, somma rekord!” kiteb Bjorn, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex ikompli jagħti l-għajnuna tiegħu lil ALS Malta+ anke wara li ntemm it-telethon. Matul il-ġurnata tal-Ħadd, eluf ta’ Maltin u Għawdxin ingħaqdu għal din il-kawża, bis-somma tkompli tielgħa b’ritmu mgħaġġel hekk kif bdew deħlin id-donazzjonijiet waqt ix-xandira nazzjonali.

Il-flus miġbura se jkomplu jgħinu fil-ħidma ta’ Dar Bjorn u ALS Malta+, li jipprovdu appoġġ u servizzi lil persuni li jgħixu bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra, kif ukoll lill-familji tagħhom.

Minkejja li l-maratona waslet fit-tmiem tagħha, id-donazzjonijiet għadhom miftuħa għal dawk li jixtiequ jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom. Wieħed jista’ jagħti €25 billi jċempel fuq 5180 2018 jew €50 fuq 5190 2075. Donazzjoni ta’ €11.65 tista’ ssir permezz ta’ SMS fuq 5061 9271. Wieħed jista’ jagħti wkoll permezz ta’ BOV Mobile Pay fuq 7909 6249 jew Revolut fuq 7920 9420.

Prosit tassew lil Bjorn, lit-tim kollu ta’ ALS Malta+ u lil kull min fetaħ qalbu għal din il-kawża.

Ritratti:

Facebook / Bjorn Formosa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI