“Prosit, Mason!” – Tifel Ta’ Ħames Snin Idoqq Il-Qanpiena Ta’ Tama Wara Li Temm Il-Kura Kontra L-Lewkimja

Mument mimli emozzjoni u tama reġa’ seħħ fir-Rainbow Ward, hekk kif it-tifel ta’ ħames snin Mason ċċelebra t-tmiem tal-kura tiegħu kontra l-lewkimja billi daqq il-qanpiena tant simbolika. Puttinu Cares qasmu dan il-mument sabiħ fuq il-midja soċjali, fejn spjegaw li din kienet it-tieni darba f’ġimgħa li l-ward kellu raġuni speċjali biex jiċċelebra tmiem ta’ trattament.

Madwar Mason kien hemm il-ġenituri tiegħu, oħtu u l-istaff dedikat tar-Rainbow Ward, li ngħaqdu flimkien biex jagħmlu din il-ġurnata waħda li tibqa’ mfakkra. It-tbissim, il-kejk u d-daqq tal-qanpiena mlew il-ward b’ferħ u emozzjoni. Id-daqq tal-qanpiena huwa mument li jfisser ħafna għal kull tifel jew tifla li tkun għaddiet minn trattament kontra l-kanċer, hekk kif jimmarka t-tmiem ta’ kapitlu diffiċli u l-bidu ta’ wieħed ġdid mimli tama.

“Prosit, Mason! Nawgurawlek futur mimli saħħa, kuntentizza u ħafna avventuri sbieħ. Alla jberikek, champion,” kitbet Puttinu Cares fil-messaġġ tagħha. Din l-istorja hija tfakkira oħra tal-kuraġġ straordinarju li juru t-tfal u l-familji tagħhom matul il-vjaġġ tagħhom, u ta’ kemm mumenti bħal dawn iġibu tama lil tant nies.

Ritratti:

Facebook / Puttinu Cares

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI