Ema Tirrakkonta Parti Mill-Istorja Tagħha Fis-Single L-Ġdida ‘IMĦABBA’

Ema għadha kemm nediet is-single l-ġdid tagħha IMĦABBA, kanzunetta mill-aktar personali li teħodha lura lejn tfulitha u lejn vjaġġ immarkat minn tfittxija, xewqat u, eventwalment, is-sejba tal-imħabba li għal tant żmien xtaqet f’ħajjitha.

B’mużika ta’ Philip Vella, kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Sean Vella, IMĦABBA titkellem dwar ix-xewqa għal familja, sens ta’ appartenenza u dak il-bżonn universali li wieħed iħossu maħbub. L-istorja tibda mill-perspettiva ta’ tifla li, minkejja li kellha nies li jħobbuha madwarha, kienet konxja li l-esperjenza tagħha kienet differenti minn dik ta’ tfal oħra. Hekk kif il-kanzunetta tiżvolġi, din it-tfittxija ssir xewqa dejjem aktar ċara, dik li tesperjenza l-imħabba ta’ familja, ta’ omm u ta’ missier, u li xi darba tkun tista’ tibni d-dar u l-familja tagħha stess.

IMĦABBA hija kanzunetta li nħossha qrib ħafna tiegħi għaliex tirrakkonta emozzjonijiet u xewqat li ilhom miegħi minn meta kont żgħira. Titkellem dwar dak li fittixt, dak li xtaqt u, fuq kollox, dwar dak li llum nista’ ngħid li sibt. Nittama li kull min jisma’ l-kanzunetta jkun jista’ jsib parti minnu nnifsu fiha wkoll,” tgħid Ema.

Fil-fatt, wieħed mill-elementi li jmexxi l-istorja ta’ IMĦABBA huwa l-iżvilupp mill-kliem “fittixt”, għal “xtaqt” u finalment għal “sibt”. It-tfittxija u l-vojt li jinħassu fil-bidu tal-kanzunetta gradwalment jagħmlu spazju għal sens ta’ tama u sodisfazzjon, hekk kif Ema tasal biex tkanta dwar l-imħabba li llum tista’ tgħid li sabet.

Flimkien mas-single tnieda wkoll lyric video li jagħti dimensjoni viżiva lil din l-istorja personali. Il-filmat jinkludi tpinġijiet ibbażati fuq ritratti reali minn stadji differenti fil-ħajja ta’ Ema, fosthom mumenti minn tfulitha. Permezz tagħhom, il-pubbliku jista’ jersaq aktar qrib tal-istorja u l-emozzjonijiet li wasslu għat-twelid tal-kanzunetta.

Għalkemm IMĦABBA għandha l-għeruq tagħha fl-esperjenza personali ta’ Ema, il-messaġġ tagħha jista’ jolqot lil ħafna. Ix-xewqa li nkunu maħbuba, li nħossu li nappartjenu u li nsibu postna fid-dinja hija waħda li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, irrispettivament mill-istorja personali tagħhom.

IMĦABBA hija disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha, bid-distribuzzjoni tas-single f’idejn CAP Sounds.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI