"Qatt Ma Ħlomt Li Nilħaq Chef. In-Namra Bdiet Fl-1996 Meta Dħalt L-ITS.” – Martin Cutajar

Martin Cutajar jitkellem dwar in-namra tiegħu lejn it-tisjir speċjalment it-tisjir tal-ħlewwiet. Mal-paġna popolari lokali The People of Malta hu jgħid, “Qatt ma ħlomt li nilħaq chef. In-namra bdiet fl-1996 meta dħalt l-ITS. Kelli ħbieb tiegħi li daħlu hawnhekk u ħeġġewni nidħol. ma jiddispjaċinix li dħalt nistudja Institute Of Tourism Studies – ITS. Jiddispjaċini għal kif l-industrija qiegħda bħalissa.”

Hu jkompli, “Fl-istudji tiegħi, bdejt u ggradwajt bħala chef. Kont għażilt li nipperfezzjona fil-pastry. Kont mort għamilt sena barra, Corby, l-Ingilterra. Imbagħad ġejt lura, u bdejt naħdem bħala Commis Chef. Minn hemm tibda tiela’ tarġa tarġa. Wasalt fil-grad ta’ Patissier. Il-ħolma tiegħi kienet li nidħol l-ITS ngħallem lill-istudenti dak li naf, u issa għadni kemm spiċċajt it-tieni sena tiegħi bħala lettur l-ITS.”

Martin jirrimarka, “Is-sodisfazzjon ikun li tara lill-istudenti jevolvu u jitgħallmu, u dak li tgħallimhom ipoġġuh fil-prattika. Waqt li qed ngħallem, qed nitgħallem jiena wkoll għax bħalissa għaddej bil-Masters fl-International Hospitality Management hawn stess. L-ITS raw potenzjal fija u offrewli li nagħmel il-Masters.”





Hu jispjega, “Fil-fatt ġejt sponsored minnhom. L-ITS mhux biss jemmnu fl-istudenti tagħhom, iżda jfittxu li jħeġġu u jgħinu lill-għalliema li jaħdmu hawn. Ma nistax ngħid x’niġi bżonn fil-futur. Li hu żgur hu li rrid inkompli nitħarreġ biex anki nkun nista’ ngħallem studenti li huma ‘undergraduate level’.”

Martin jibda jikkonkludi billi jgħid, “Issa ilni 29 sena fl-Industrija tal-ospitalità. Dan ix-xogħol għallimni d-dixxiplina, titgħallem taħdem f’kundizzjonijiet li jirrikjedu impenn kbir, time-management, loġistika u huwa xogħol li jlaqqgħek ma’ ħafna nies.”

Hu jtemm, “Il-kreattività, speċjalment fil-pastry, hija importanti. Li jkollok għarfien tal-arti hija importanti. Għal dan is-settur trid tkun ippreparat. Fih ħafna sodisfazzjon. Trid tkun iddedikat u tħobb din il-professjoni. Huwa xogħol li jiftaħlek ħafna opportunitajiet ġodda.”



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI