Nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, 2026 l-Għaqda ġiet infurmata li mill-Knisja Matriċi ta’ Ħal Kirkop ġew niqsin għadd ta’ relikwi, fosthom relikwa ta’ San Leonardu.
Kappillan tal-Parroċċa ġie infurmat b’dan minnufiħ, u min-naħa tiegħu wiegħed li ser jinforma lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u li ser jistenna mingħandhom struzzjonijiet ulterjuri, inkluż dwar il-possibiltà li jsir rapport lill-Pulizija Eżekuttiva dwar in-nuqqas tar-relikwi.
Fil-frattemp, il-Kappillan tal-Parroċċa ordna li l-bqija tar-relikwi għandhom jinżammu b’mod sikur ġo ‘safe’.
L-Għaqda ġiet infurmata li r-rapport lill-Pulizija Eżekuttiva sar nhar il-Ħamis 17 ta’ Settembru. Minn dakinhar ‘il quddiem l-Għaqda ma ġiet infurmata bl-ebda żvilupp ieħor.
Bi prudenza kbira, b’rispett lejn il-Parroċċa u lejn il-festa prinċipali tagħha, l-Għaqda żammet lura milli tikkummenta dwar dan l-inċident.
Madankollu, issa li għaddiet il-festa, ta’ min wieħed jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet.
Apparti mill-evanġelizzazzjoni u l-aspetti spiritwali l-oħra kollha, ir-ragħaj spiritwali ta’ kull parroċċa għandu jara li l-oġġetti sagri, fosthom relikwi mqaddsa, jiġu ndukrati bl-għożża kollha li dawn jixirqilhom.
Nagħmluha ċara – fin-nuqqas ta’ sagristan, ir-responsabbiltà tal-patrimonju reliġjuż hija unikament tal-Kappillan u ta’ ebda helper ieħor li jgħin b’mod volontarju fil-parroċċa.
L-aħħar li sar użu mir-relikwa mitlufa ta’ San Leonardu kien fis-6 ta’ Novembru 2025, matul il-festa liturġika ta’ San Leonardu. Din ġiet merfugħa fl-istess post tas-soltu matul l-istess xahar. L-aħħar darba li nafu li r-relikwarju fil-ħajt nnifsu reġa’ ntuża kien f’Lulju 2026.
Il-bon sens kien jitlob illi meta nfurmat bl-għibien tar-relikwi, fosthom dik ta’ San Leonardu, kellu jsir rapport lill-Pulizija Eżekuttiva b’mod immedjat.
Madankollu, l-Għaqda qed tagħmilha ċara li teżiġi kontabbiltà minn kull min naqas minn dmiru.
Fl-aħħarnett, jiżbalja min jintepreta l-prudenza u s-silenzju tal-Għaqda tagħna fl-aħħar jiem bħala dgħufija.