It-turiżmu jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija, b’madwar 48,000 impjieg relatat mas-settur u aktar minn 10% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta. Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-użu dejjem jikber tar-robots fl-ospitalità, il-General Workers’ Union qed tisħaq li l-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru ta’ dan is-settur.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li l-Union mhijiex kontra t-teknoloġija, iżda temmen li din għandha tintuża biex tiffaċilità x-xogħol u ttejjeb is-servizz, mhux biex tbiddel lill-ħaddiema. Skontu, robot jista’ jwassal platt, iżda ma jistax jagħti dik it-tbissima, l-attenzjoni personali u s-sens ta’ merħba li jagħmlu d-differenza fl-ospitalità.
Il-GWU qalet ukoll, li qabel ma wieħed jitkellem dwar sostituzzjoni tal-ħaddiema, għandu jindirizza n-nuqqas ta’ persuni li qed jagħżlu karriera f’dan is-settur. Pagi aħjar, kundizzjonijiet aktar dinjitużi, taħriġ u opportunitajiet ta’ karriera jistgħu jagħmlu l-industrija aktar attraenti.
Il-Union qed tappella wkoll għal użu aħjar tal-potenzjal tal-ħaddiema akbar fl-età, permezz ta’ xogħol flessibbli u taħriġ kontinwu ħalli b'hekk jibqgħu attivi u mhux nissostitwixxuhom ma' robots għax is-servizz li jista' jagħtik uman żgur li ma jikkompetix ma' dak ta' robot.
Iżda x’jaħseb il-poplu dwar dan? It-teknoloġija għandha tkompli tidħol fl-ospitalità, jew il-kuntatt uman għandu jibqa’ indispensabbli? Fejn għandu jkun il-bilanċ bejn effiċjenza teknoloġika u servizz personali?

Facebook/General Workers Union