Il-mara li lbieraħ ġiet irrapportata nieqsa, illum kmieni dalgħodu nstabet mejta fil-Mellieħa.
Għall-ħabta tal-00:30am, waqt li kienu għaddejjin it-tfittxijiet għall-mara, intlemħet persuna bla ħajja f’xagħri, fit-tarf ta’ Triq in-Nixxiegħa, il-Mellieħa. Aktar tard ġie kkonfermat li l-persuna kienet Susan Mary Borg, li sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Din kienet l-istess persuna li lbieraħ kienet qed tiġi mfittxija mill-Pulizija għax kienet nieqsa.
Il-Pulizija qalet li, sa dan l-istadju, qed jiġi eskluż is-sehem ta’ terzi persuni. Il-Maġistrat Dr Renata Farrugia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta sabiex jiġu stabbiliti l-fatti kollha relatati ma’ dan il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin hekk kif qed jinġabru aktar dettalji dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-mewt tagħha. Il-każ ħalla niket kbir hekk kif it-tfittxijiet għall-mara ntemmu bl-aħbar traġika tal-mewt tagħha.
Sadanittant, it-Tim ta' Gwida.mt, jesprimi l-kondoljanzi lill-familja kollha, kif ukoll jixtieq li Susan Mary tistrieħ fis-sliem!