Sebastian Calleja: "Kantant Għandu Jkun Versatili U Ma Jibqax F’Qoxra"

Sebastian għadu kif ħareġ kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Touch li ħadem flimkien ma’ Matteo Depares u Aidan Cassar. Aħna ħadna l-opportunità li nitkellmu ftit ma’ Sebastian dwar din il-kollaborazzjoni ma’ dan it-tim żagħżugħ.

Dan huwa stil pjuttost ġdid għal dan il-kantant, għalekk saqsejna lil Sebastian x’wassal għal din il-bidla, hu qalilna: “Dan il-ġeneru ta’ mużika minn dejjem kien wieħed li kien jolqotni, u xtaqt li naħdem fuq dan l-istil. Nemmen ħafna li kantant m’għandux ikun ta’ stil wieħed, però għandu jkun versatili u ma jibqax f’qoxra fejn iħossu li huwa sigur imma jimraħ u jesplora affarijiet ġodda.”

Il-kitba ta’ din il-kanzunetta ġiet fdata f’idejn Aidan Cassar u Mattep Depares, din kienet l-ewwel darba li Sebastian ħadem ma’ kantant ieħor lokali fuq kanzunetta oriġinali. HU qalilna li Aidan huwa artist li għalkemm għadu żgħir għandu ħafna x’joffri kemm bħala kantant kif ukoll mill-pinna tiegħu.





Sebastian jistqarr li: “Touch bdiet mill-programm Ħadd Għalik fejn kemm jien u kemm Aidan konna kantanti residenti fih, fejn wara li sirna nafu iktar lil xulxin, tkellimt ma’ Matteo Depares u qbilna li Aidan kien il-persuna li jista’ jagħtina dak li kellna f’moħħna. Kienet esperjenza eċċezjonali li ħdimt ma’ dan l-artist u kif ukoll ma’ persuni oħrajn li huma parti mix-xena lokali bħal Matteo Depares.

Sebastian faħħar u rringrazzja wkoll lil Angie u Duane Laus fejn magħhom fassal il-vidjow għal din il-kanzunetta. Meta kellimna lil Sebastian dwar Touch ma stajniex ma nistaqsuhx x’għandna nistennew mingħandu fil-futur. Sebastian qalilna li “l-karriera mużikali tiegħi mhux ser tkun qed tieqaf hawnhekk.”

“Għalkemm ħabba raġuni ta’ studju ser inkun qed inaqqas il-ħin li niddedika għal karriera mużikali, xorta waħda ser inkompli naħdem fuq materjal ġdid bi stili differenti u naturalment inkompli t-taħriġ tiegħi fil-qasam mużikali ħalli dejjem intejjeb l-prodott u timraħ għal affarijiet ġodda.”

F’isem Gwida.mt nawguraw lil Sebastian aktar u aktar suċċessi fil-karriera mużikali u wkoll fil-karriera professjonali tiegħu.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI