Niltaqgħu Mal-Artisti Promettenti Li Se Jwasslu L-Maġija Tal-Panto Fi Snow White Tal-MADC

Snow White, il-Prinċep u l-Fatatina huma tliet karattri li kważi kulħadd jagħrafhom fid-dinja tal-ħrejjef – iżda bi ftit tlellix tal-panto, lesti biex jieħdu l-ħajja b’modi ġodda u mill-aktar spettakolari.



Dawn il-karattri se jitilgħu fuq il-palk permezz ta’ Melissa Mercieca, Ali Kanay Demirci u Carla Fenech: tliet artisti li se jieħdu sehem fi Snow White tal-MADC, li dalwaqt se terġa’ ġġib il-ferħ tal-pantomima fit-Teatru Salesjan wara s-suċċess tas-sena l-oħra ta’ Ebenezer Scrooge! The Panto.



Flimkien ma’ Alan Montanaro, Sarah Jane Zrinzo, Noel Zarb, Karl Bartolo, Bertha Farrugia, Joe Depasquale u ensemble mill-aqwa, dawn l-artisti lesti biex iżidu isimhom mal-legat ta’ deċennji sħaħ ta’ waħda mill-aktar tradizzjonijiet festivi għal qalb il-Maltin.

Għal Melissa, li taħdem il-parti ta’ Snow White kien ifisser li tħares lil hinn mill-immaġni familjari li ssib fil-kotba tal-ħrejjef u tiskopri t-tfajla li hemm taħt. “Wara x-xenati divertenti tal-panto, il-proċess tal-provi għallimni kif insib il-persuna reali ta’ taħt,” spjegat. “Snow White hija karattru li ma jmut qatt, u ruħ twajba tant li ġenwinament temmen li l-imħabba vera teżisti u li kulħadd għandu t-tajjeb tiegħu. Jagħtini sodisfazzjon kbir li ninterpreta dak is-sens ta’ stagħġib, bħal tat-tfal.”

Il-ħidma mill-qrib ma’ veterani tal-panto bħad-direttur Stephen Oliver u l-kittieb Alan Montanaro – li fl-istess ħin se jerġa’ jilbes it-takkuna fil-parti tad-Dama – għenitha wkoll sabiex tiskopri l-maġija tal-prestazzjoni fuq il-palk. “Inkoraġġewni biex ma nibżax nipprova xi ħaġa differenti,” spjegat. “Li jkollok il-libertà li tesperimenta fir-rehearsals hija xi ħaġa tant sempliċi, imma essenzjali biex il-panto tkun verament brillanti.”



Min-naħa tiegħu, Ali Kanay Demirci qed ifassal l-interpretazzjoni personali tiegħu tal-Prinċep. “L-iskript jagħtini l-libertà nesplora l-karattru tal-Prinċep fil-fond u nsib verżjoni li tinħass friska imma li fl-istess ħin tibqa’ fidila lejn il-karattru,” qal, filwaqt li żied li għalih il-fatt li ngħaqad mal-kast kien kisba importanti fiha nnifisha. “Għalija tfisser ħafna li nkun parti minn din it-tradizzjoni festiva tant għażiża, u privileġġ kbir li naqsam il-palk ma’ kast b’daqstant talent, crew ħabrieki u kumpanija straordinarja.”

Carla Fenech, li se taħdem il-parti tal-Fatatina, se ttella’ fuq il-palk tip differenti ta’ maġija – u tabilħaqq bħall-karattru tagħha, waqt il-provi qed tieħu gost l-aktar meta jmissha taqla’ xi ftit tal-inkwiet mal-leġġenda tal-panto lokali. “Il-mumenti favoriti tiegħi waqt ir-rehearsals huma dawk fejn inkun nista’ naqbad ma’ Alan Montanaro,” qalet bid-daħqa. “Fairy Powderpuff mhix il-fatatina tipika moħħha fis-sħab. Fuq tagħha sew, u erħilha tittanta lid-Dama mill-bidu sal-aħħar. Għalija xalata – imma għalih mhux daqstant! Iżda l-fatt li qed naqsam il-palk tal-panto ma’ Alan huwa memorja li se nibqa’ ngħożż.”

Fuq kollox, Carla tittama li Snow White tal-MADC tagħti lill-udjenzi rigal tal-Milied perfett – daħqa tajba flimkien mal-familja u l-ħbieb fid-dinja ferriħija tal-panto. “Nixtiequ nifqgħu lill-udjenza bid-daħq, u narawhom jitilqu mit-teatru bi tbissima kbira fuq wiċċhom. Dik hi l-panto wara kollox!”

Snow White tal-MADC se tittella’ bl-Ingliż fit-Teatru Salesjan, f’Tas-Sliema, bejn it-23 ta’ Diċembru 2025 u l-5 ta’ Jannar 2026, b’wirjiet kemm waranofsinhar kif ukoll filgħaxija. Il-booking issa miftuħ fuq www.madc.com.mt, bi prezzijiet speċjali għal tfal ta’ bejn tlieta u 11-il sena. Tfal taħt it-tliet snin ma jitħallewx jidħlu fit-teatru. Ikun hemm parkeġġ fil-ground ta’ St Patrick’s disponibbli abbażi ta’ min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel. Din il-produzzjoni hija appoġġjata minn Dee Spas Wellness, Welbee’s Supermarket, Elia Caterers u Creative Europe Desk Malta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI