Residenti u viżitaturi f’ Tas-Sliema qed jinnutaw sinjali ġodda li qed ifakkru lill-pubbliku dwar kif għandhom jilbsu meta jkunu barra mit-toroq tal-bajja.
Is-sinjal, li deher f’diversi żoni popolari, juri b’mod ċar li mhuwiex permess li persuni jimxu fit-toroq lebsin biss ilbies tal-bajja bħal bikini jew swimming trunks. Min jikser din ir-regola jista’ jeħel multa ta’ €75.
Matul ix-xhur tas-sajf, il-lokalità Tas-Sliema tattira eluf ta’ nies lejn il-kosta tagħha, iżda mhux kulħadd jaqbel ma’ dawn il-miżuri. Filwaqt li xi residenti jqisuha bħala pass meħtieġ biex tinżamm dehra aktar rispettabbli fit-toroq, oħrajn iqisuha bħala regola stretta wisq f’lokalità turistika magħrufa għall-bajjiet u l-atmosfera tas-sajf tagħha. Din ir-regola ma tapplikax għal persuna li tkun liebsa ħwejjeġ ħfief jew adattati għas-sħana, iżda hija mmirata kontra min ikun miexi fit-toroq b’ilbies maħsub biss għall-baħar.
Is-sinjal qed iqajjem diskussjoni fuq il-midja soċjali, b’ħafna jistaqsu jekk jaqblux ma’ din il-miżura jew jekk għandhiex tiġi infurzata b’mod aktar flessibbli. Inti x’taħseb?
Fb/ Malta Diżastru Totali