Ludwig Galea qasam kelmiet ta’ tifħir wara li serata oħra tan-Notte Bianca 2026 spiċċat fi tmiemha.
Huwa beda billi esprima l-apprezzament tiegħu lejn it-tliet Diretturi Artistiċi, Yanis Azzopardi, Daniel Cauchi u Rodney Gauci, li din kienet l-ewwel edizzjoni tagħhom f’dan ir-rwol.Skont Galea, il-viżjoni tagħhom ħadmet tajjeb ħafna, b’mod partikolari fil-mod kif il-pubbliku ġie mħeġġeġ jiċċaqlaq minn żona għal oħra tal-Belt Valletta u jiskopri diversi spazji, wirjiet u forom differenti ta’ arti.
Huwa sostna li matul is-snin kellu l-opportunità jaħdem ma’ diversi Diretturi Artistiċi ta’ Notte Bianca, u kull wieħed minnhom ġab miegħu perspettiva u viżjoni differenti. Għalih, proprju din id-diversità hija parti mis-sbuħija tal-arti.Galea semma wkoll l-użu ta’ Hastings bħala wieħed mill-elementi li ħadmu tajjeb matul din l-edizzjoni. Fost dawk involuti f’din iż-żona kien hemm Dancel Dance Studio, Laura Bruno u l-iSpiteri Lucas Band.
Kliem pożittiv ingħata wkoll lill-għeluq tal-lejla, bil-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Paul Abela. Galea ddeskriva dan bħala mod mill-isbaħ kif tintemm serata ddedikata lill-arti u l-kultura.Min-naħa tiegħu, huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti fil-proġett ta’ letteratura, żfin u mużika Lanċa Ġejja U Oħra Sejra, miktub minn Ġorġ Peresso. Irringrazzja wkoll lill-aħwa Mark u Ivan Spiteri Lucas, li kienu ko-produtturi miegħu, kif ukoll lis-sieħba fin-negozju tiegħu Celaine Buhagiar Bugeja.Dwar il-proġett Kollox Malti, Galea wassal ukoll ir-ringrazzjamenti tiegħu lil Stefania Grech u Ryan Paul Abela.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja direttament lil Yanis Azzopardi, Daniel Cauchi u Rodney Gauci għall-viżjoni tagħhom u talli, fi kliemu, taw lil din ill-lejla memorabbli “l-identità tagħha”.
Facebook/ Ludwig Galea