Il-Bażilika tal-Mosta hija magħrufa għal ħafna elementi storiċi u artistiċi u għalhekk tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna viżitaturi.
Dettall important li probabbilment mhux magħruf minn kulħadd huwa l-fonti tal-Magħmudija li jmur lura għas-sena 1557. Jingħad li skont informazzjoni ppubblikata mill-Mosta Rotunda Foundation, il-ħawt tal-fonti huwa maħsub li kien jappartjeni lill-ewwel knisja parrokkjali tal-Mosta u għalhekk għandu storja li tmur lura għal mijiet ta’ snin.
Matul is-snin, din l-opra kompliet tiġi mżejna b’elementi artistiċi oħra. Fl-1805, Giuseppe Dalli ħoloq il-pedestall tal-irħam li fuqu tinsab il-fonti, filwaqt li sena wara, fl-1806, kien Vincenzo Dimech li skolpixxa l-figuri tal-injam li jirrappreżentaw lil Ġesù Kristu u lil Ġwanni l-Battista.
B’hekk tista’ tgħid li l-fonti tal-Magħmudija mhijiex biss oġġett marbut mal-ħajja reliġjuża tal-parroċċa, iżda wkoll biċċa mill-istorja artistika u kulturali tal-Mosta li baqgħet ippreservata matul dawn is-sekli.
Facebook/ Mosta Rotunda