Wasteserv Twissi Dwar Nirien Li Jseħħu Kull Xahar Minħabba Batteriji Mormija Ħażin

devices

Nirien ikkawżati minn batteriji mormija fil-boroż tal-iskart domestiku qed iseħħu kull xahar.

Din is-sitwazzjoni wasslet lil WasteServ biex tniedi kampanja nazzjonali mmirata biex twissi lill-pubbliku dwar ir-riskji li dawn il-batteriji joħolqu għall-ħaddiema, għall-membri tas-servizzi ta’ emerġenza u għall-infrastruttura kritika tal-immaniġġjar tal-iskart.

Dawn l-inċidenti wasslu għat-tnedija ta’ Be Smart. No Spark., kampanja nazzjonali mmexxija minn WasteServ f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex tindirizza r-rimi ħażin tal-batteriji u tal-iskart elettroniku.

Batterija waħda mormija ħażin tista’ tikkawża nar serju waqt il-ġbir jew l-ipproċessar tal iskart.

Huwa għalhekk li WasteServ qed tipprovdi informazzjoni prattika dwar kif il-batteriji għandhom jintremew b’mod sigur, filwaqt li tqajjem aktar għarfien dwar ir-riskji assoċjati magħhom.

Hekk kif dejjem qed jiżdied in-numru ta’ oġġetti ta’ kuljum li fihom batteriji, minn headphones u xkupilji tas-snien elettriċi sa ġugarelli, power banks u vapes, ħafna minn dawn l-oġġetti qed jispiċċaw fil-boroż tal-iskart domestiku mingħajr ma nindunaw.

Ladarba jinġabru, dawn l-oġġetti jistgħu jsofru ħsara waqt it-trasport jew l-ipproċessar, u b’hekk jikkawżaw nirien li jistgħu jaqbdu f’daqqa u jinfirxu malajr.

Be Smart. No Spark. qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jieqaf u jaħseb qabel jarmi xi oġġett li fih batterija, u biex jiżgura li kemm il-batteriji kif ukoll l-apparat elettroniku jintremew kif suppost.

Dwar il-kampanja, il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal li l-għan ta’ din l inizjattiva huwa li tqajjem diskussjoni dwar riskju reali u dejjem jikber marbut ma’ batteriji mormija ħażin, riskju li ħafna nies għadhom ma jafux bih.

“Il-batteriji u l-apparat elettroniku saru parti essenzjali mill-ħajja ta’ kuljum, iżda ħafna nies għadhom ma jafux kif dawn l-oġġetti għandhom jintremew meta ma jibqgħux jintużaw.

L-għan tal-kampanja huwa sempliċement li nħeġġu lin-nies jieqfu u jaħsbu qabel jarmu dawn it-tipi ta’ oġġetti.

Ir-responsabbiltà tagħna hija li nipproteġu lill-impjegati tagħna, nissalvagwardjaw il-faċilitajiet tagħna u ngħinu lill-pubbliku jifhem li azzjoni sempliċi min naħa tagħhom tista’ tagħmel differenza kbira.”

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li nirien ikkawżati mill-batteriji jistgħu jintensifikaw b’ħeffa kbira u saħansitra jwasslu għat-telf ta’ ħajjiet.

“Il-pubbliku għandu joqgħod attent ħafna meta jiddisponi mill-batteriji. Jekk il-messaġġ ta’ din il-kampanja jiġi segwit, jistgħu jiġu evitati nirien serji.”

Matul ix-xhur li ġejjin, il-kampanja se tkompli tibni fuq il-messaġġ inizjali tagħha billi tgħin lill pubbliku jidentifika l-iskart elettroniku, jagħraf il-batteriji moħbija f’oġġetti ta’ kuljum u jifhem kif dawn għandhom jintremew b’mod korrett, kemm permezz taċ-Ċentri għall-Iskart Goff kif ukoll permezz tar-Roadshow Trucks.

Aktar informazzjoni dwar il-batteriji, l-iskart elettroniku u kif għandu jintrema dan it-tip ta’ skart tista’ tinstab fuq il-paġna ddedikata għall-kampanja fis-sit elettroniku ta’ WasteServ: wsm.com.mt/be-smart

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI