Tħobb l-Artiġjanat? – Żur Din L-Esibizzjoni Fi Spazju Kreattiv U Agħżel Il-Favorit Tiegħek

Dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-arti, is-snajja’ u l-kreattività lokali għandhom opportunità unika biex jiskopru l-aqwa xogħlijiet tal-artiġjanat Malti waqt l-Esibizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2025, li bħalissa qed tittella’ fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.



L-esibizzjoni tippreżenta firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet artiġjanali, li jinkludu kemm tekniki tradizzjonali kif ukoll interpretazzjonijiet kontemporanji. Fost il-kategoriji esebiti hemm xogħol fit-tessuti, filigranu u fidda, ċeramika, pittura, skultura, arti relatata mal-festi u diversi forom oħra ta’ artiġjanat li juru t-talent lokali.



Minbarra li wieħed jista’ jammira dawn il-kreazzjonijiet mill-qrib, il-pubbliku qed jingħata wkoll l-opportunità li jagħżel il-favorit tiegħu permezz tal-People’s Choice Award. Il-votazzjoni qed issir online permezz tas-sit elettroniku tal-Malta Crafts Foundation.



Din l-inizjattiva toffri ċ-ċans lill-viżitaturi biex mhux biss japprezzaw ix-xogħol tal-artiġjani Maltin, iżda wkoll biex jikkontribwixxu direttament fl-għażla ta’ wieħed mir-rebbieħa tal-premju. L-esibizzjoni hija miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas u se tibqa’ għaddejja sat-28 ta’ Ġunju ġewwa Spazju Kreattiv.

Ir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena, inkluż dak tal-People’s Choice Award, se jitħabbru waqt ċerimonja speċjali li se ssir fis-26 ta’ Ġunju. Għal aktar informazzjoni dwar l-esibizzjoni u biex tivvota għall-prodott favorit tiegħek, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Malta Crafts Foundation jew isegwi l-paġni uffiċjali tagħha fuq il-midja soċjali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI