Il-Korp tal-Pulizija ħareġ twissija lill-pubbliku dwar messaġġi frawdolenti li qed jiċċirkolaw u li jitolbu lin-nies biex jivvutaw għal xi ħadd f'kompetizzjoni online permezz ta' link suspettuż.
Skont il-Pulizija, dawn il-messaġġi ħafna drabi jidhru li jkunu ntbagħtu minn persuni magħrufa, iżda fil-verità jistgħu jkunu parti minn attentat ta' frodi biex tinsteraq informazzjoni personali jew finanzjarja, jew saħansitra biex jinkiseb aċċess għall-kontijiet tal-vittmi.
Il-Pulizija qed tappella lill-pubbliku biex ma jikklikkjax fuq links suspettużi, ma jiddaħħlux dettalji personali jew bankarji, u dejjem jivverifika l-awtentiċità tal-messaġġ permezz ta' mezz ieħor ta' komunikazzjoni mal-persuna li allegatament bagħtitu.
Barra minn hekk, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iħassar dawn il-messaġġi u jirrapportahom fejn ikun possibbli. Il-Pulizija temmet l-appell tagħha b'messaġġ sempliċi iżda importanti: "Aħseb dejjem qabel tikklikkja."
Facebook/ The Malta Police Force