Gertrude Borg Marks, l-attriċi lokali li rajnieha fuq diversi sensiliet lokali, tikteb messaġġ mill-qalb biex tfakkar lill-għażiża ommha li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem sena ilu. Messaġġ li juri li l-imħabba tibqa’ hemm minkejja d-distanza li teżisti llum il-ġurnata.
Hi tibda billi b’qalb maqsuma tgħid, “Hawn, ma, ġurnata oħra mingħajrek. Nagħmel mezz kif kuljum nisma’ leħnek, ġewwa moħħi, nibża’ li ninsieh. Idejk irridom stampati fil-memorja biex nibqa’ nħosshom; nodfa, manicured, bieżla… ma rridx ninsa lanqas dettall wieħed minnhom.”
Gertrude tkompli, “Kuljum insemmi xi lezzjoni, xi parir mill-eluf li tajtna – irrid nibqa’ ngħixhom. Ġieli jgħaddili minn moħħi biex inċempillek, biss biex nara x’jiġri, imma naf li mhux razzjonali. Irrid nibqa’ nxomm ir-riħa tiegħek fil-ħwejjeġ li ħadt warajk. Irrid narak, infittxek f’kull sinjal universali… ħafna drabi għalxejn.”
Hi ttemm tikteb, “Nitkellem waħdi, ngħajjatlek, nistaqsik, ‘Ma, fejn mortilna?’ Ma tweġibx. Ilni sena. Illum. Daqshekk ilek miegħi f’din il-forma astratta… mort fejn mort, tiddejjaqx iżżurni, ma, imqar fil-ħolm… X’miraklu l-imħabba, hux?! Tibqa’ tikber!”
Facebook / Gertrude Borg Marks