Kuntrarju għal dak li wieħed jista’ jaħseb, wara ċerti forom ta’ narċiżiżmu jista’ jkun hemm persuna b’sens ta’ awtostima fraġli jew instabbli. Dwar dan tkellem Dr Nicholas Briffa f’kitba li fiha spjega b’mod sempliċi x’jista’ jkun hemm wara ċerti mġibiet marbuta man-narċiżiżmu.
Dr Briffa jispjega li persuna tista’ tiddependi ħafna fuq l-ammirazzjoni u l-validazzjoni ta’ ħaddieħor, jew fuq is-sens li hija speċjali, sabiex tkun tista’ żżomm immaġni pożittiva tagħha nnifisha. Dan, skont Dr Briffa, jista’ jimmanifesta ruħu permezz ta’ egoċentriżmu, sens esaġerat tal-importanza personali, bżonn qawwi ta’ ammirazzjoni u diffikultà fl-empatija. Jistgħu jkun hemm ukoll reazzjonijiet qawwija għall-kritika jew għar-rifjut, kif ukoll f’sitwazzjonijiet fejn il-persuna tħoss li ma ngħatatx l-importanza li kienet qed tistenna.
Biex iwassal dan il-kunċett b’mod aktar ċar, Dr Briffa juża x-xbieha ta’ tifel liebes ta’ supereroj. “Il-kostum jidher b’saħħtu minn barra, iżda jista’ jkun qed jgħatti vulnerabbiltà, mistħija, ‘shame’ jew biża’ li wieħed ma jkunx biżżejjed,” jispjega.
Is-“supereroj”, għalhekk, jista’ jservi bħala forma ta’ protezzjoni għal parti mill-persuna li fil-verità tkun qed tħossha ħafna aktar fraġli milli jidher minn barra. Permezz ta’ din ir-riflessjoni, Dr Briffa jenfasizza li dak li naraw minn barra mhux dejjem jirrifletti dak li persuna tkun qed tesperjenza fuq ġewwa.
Facebook / Nicholas Briffa