Aħbar sabiħa ġabet magħha mument ta’ ferħ u tama għall-familja ta’ Meagan, hekk kif wara żmien fl-isptar, il-ġurnata tant mistennija fl-aħħar waslet: Meagan tinsab lura d-dar.
Permezz tal-paġna Meagan’s Road to Hope, il-familja qasmet l-aħbar li Meagan ġiet maħruġa mill-isptar u setgħet tqatta’ l-ewwel lejl tagħha f’darha, imdawra b’ommha u missierha, bl-imħabba, it-tgħanniq u l-affarijiet familjari li tant kienet ilha nieqsa minnhom.
F’dawn l-aħħar jiem, Meagan bdiet turi titjib u t-tobba ddeċidew li setgħet tkompli tuża tip ieħor ta’ appoġġ għan-nifs li jista’ jintuża b’mod sigur id-dar, iżda l-aħbar ma waqfitx hemm. Meagan issa qed jirnexxilha tqatta’ wkoll xi ħin mingħajr il-magna, pass li għall-familja jfisser tragward kbir wara dak kollu li għaddiet minnu.
Il-vjaġġ għadu ma spiċċax u għad hemm sfidi, kura u terapiji quddiemha, imma llum, il-familja qed tagħżel li tiċċelebra l-walsa ta' bintha lura f'darha u b'hekk xejn ma jista' jegħleb il-ferħ li qed tħoss din il-familja.
Il-familja rringrazzjat ukoll lill-qraba, ħbieb u lill-professjonisti kollha li kienu magħha matul dan il-vjaġġ diffiċli.
It-Tim ta' Gwida.mt, jixtieqilha aktar saħħa u riżultati pożittivi fil-jiem u s-snin li ġejjin.
Facebook/Meagan’s Road to Hope