WasteServ qed tkompli bl-impenn tagħha biex ttejjeb l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, hekk kif tħabbret sejħa għall-offerti għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-operat bi prova ta’ faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku. B’investiment ta’ madwar €75 miljun, dan il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza tal-operat u jiżgura li l-pajjiż ikun ippreparat għal sfidi futuri.
Fl-aħħar ħames snin, ir-rata tal-ġbir tal-iskart organiku żdiedet b’mod kostanti grazzi għal diversi inizjattivi tal-Gvern, fosthom it-tnedija tal-iskeda nazzjonali l-ġdida għall-ġbir tal-iskart. Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà u l-effiċjenza fis-settur.
Il-faċilità l-ġdida, mistennija tkun operattiva sal-2028, se jkollha l-kapaċità li tipproċessa madwar 74,000 tunnellata ta’ skart organiku fis-sena. L-iskart se jiġi kkonvertit f’enerġija ħadra, billi jinbidel f’elettriku u kompost ta’ kwalità għolja, u b’hekk jikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar sostenibbli. Fl-2024 biss, ġew ipproċessati 35,000 tunnellata ta’ skart organiku, li jirrappreżenta żieda ta’ 67% fuq sentejn.
WasteServ diġà qed tipproċessa b’suċċess l-iskart organiku f’enerġija ħadra u kompost. Fl-2024, dan il-proċess ipproduċa biżżejjed enerġija ħadra biex jissupplixxi l-bżonnijiet ta’ 967 dar għal sena sħiħa, filwaqt li pproduċa 2,701 tunnellata ta’ kompost ta’ kwalità għolja. Il-faċilità l-ġdida mistennija tkompli tkabbar dawn il-kisbiet, u żżid kemm il-produzzjoni tal-kompost kif ukoll dik tal-enerġija ħadra.
“L-Environmental Impact Assessment, li tlesta diġà, ikkonkluda li l-proġett għandu benefiċċji ambjentali netti. Bis-sit identifikat u mħejji, ix-xogħlijiet jistgħu jibdew immedjatament hekk kif tingħalaq is-sejħa għall-offerti. Dan l-investiment juri l-impenn ta’ WasteServ biex tavvanza s-settur tal-immaniġġjar tal-iskart filwaqt li tappoġġa l-miri nazzjonali ta’ sostenibbiltà,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca.
Id-disinn tal-impjant, li se jinbena fi ħdan il-kumpless ECOHIVE, ġie mfassal biex jintegra perfettament mal-madwar. L-istruttura ewlenija, mibnija b’arkitettura kkurvata u materjal sostenibbli bħall-glulam, se tikkumplimenta l-pajsaġġ naturali. Il-faċilità se tinkludi wkoll blokka amministrattiva u laboratorju.
L-offerenti interessati għandhom sal-10 ta’ Ġunju 2025 biex jissottomettu l-offerti tagħhom.