“Wegħdni Li Tħobbni, Ħa Tkompli L-Missjoni U Tgħin Lill-Muġugħ” – Il-Kanzunetta ‘Tinsinix’  B’Risq Dar Bjorn

“Wegħdni li tħobbni, ħa tkompli l-missjoni u tgħin lill-muġugħ, ta’ gwida tkun għall kull ruħ. La tinsinix,” kiteb Bjorn Formosa fuq il-paġna tiegħu. Din hi parti mil-lirika tal-kanzunetta ġdida ‘TINSINIX’ li tnediet b’risq il-maratona għal DAR Bjorn fit-30 t’Awwissu. Din hi produzzjoni ta' Gwida.mt u Content House għal DAR Bjorn.

Bjorn irringrazzja lil diversi persuni, li mingħajrhom din il-kanzunetta ma kinitx tkun possibbli, “Grazzi Mike Spiteri, Jasmine Abela u Lisa Gauci li għamlu din il-kanzunetta possibli. Lil Emil Calleja Bayliss għal-lirika u Edward Abela (Midnight) tal-mużika flimkien ma’ Ray Agius. Ħajr ukoll lil Alfred C. Sant. U lil Gwida.mt u Content House tal-produzzjoni.”

Emil Calleja Bayliss, li kiteb il-lirika ta' din il-kanzunetta, spjega l-intenzjoni wara l-kitba tiegħu. Hu qal, "“Il-lirika ta’ Tinsinix twassal messaġġ profond ta’ mħabba, tama u tifkira, filwaqt li tfakkar fil-qawwa tar-relazzjonijiet umani u fil-marki li n-nies iħallu f’ħajjitna. Permezz ta’ kliem sempliċi iżda mimli emozzjoni, il-kanzunetta titkellem dwar memorji li jibqgħu jgħixu fina, ħolm li jkompli jmexxina ’l quddiem u tama li tiddi anke fl-iktar mumenti mudlama. Il-wegħda li ‘ma tinsiex’ issir simbolu ta’ lealtà, appoġġ u mħabba li ma tintemm qatt, filwaqt li tfakkar li dawk li jmissu qalbna jibqgħu magħna għal dejjem. Fl-istess ħin, il-lirika toffri messaġġ ta’ kuraġġ u faraġ, u tħeġġeġ biex anke quddiem id-diffikultajiet nibqgħu nemmnu fil-qawwa tal-imħabba u tal-kompassjoni. F’dan il-kuntest, il-kanzunetta tieħu tifsira saħansitra aktar qawwija bħala l-kanzunetta uffiċjali tal-Maratona ta’ Dar Bjorn, hekk kif tirrifletti l-missjoni tal-fondazzjoni li tagħti tama, dinjità u sapport lil dawk li qed jaffaċċjaw sfidi kbar fil-ħajja. La Tinsinix hija tfakkira sabiħa li kull ġest ta’ mħabba jħalli marka, li kull persuna għandha valur, u li l-akbar wirt li nistgħu nħallu warajna huwa dak tal-imħabba li naqsmu ma’ xulxin.”

Ritratti:

Facebook / Bjorn Formosa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI