X'Tista' Tkun Ir-Raġuni Wara Ż-Żieda Tal-Każijiet Tal-Covid-19? – Il-Ministru Chris Fearne Jikkummenta

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament illejla tkellem dwar iż-żieda riċenti fil-każijiet tal-Covid-19 u enfasizza li ż-żieda tista’ tkun dovuta għall-varjanti tal-Covid-19 preżenti f’pajjiżna.

Fearne qal li l-ammont rekord ta’ każijiet irid jittieħed fil-kuntest. Hu spjega li mhu l-ebda sigriet li l-medja tiċċaqlaq matul il-ġimgħa u fil-ġimgħa li għaddiet żdiedet meta mqabbla ma’ ftit ġimgħat ilu. Il-medja ta’ kuljum jgħid Fearne, “kienet dik ta’ 130 sa 140 każ kuljum.”

Ir-raġunijiet għaż-żieda reċenti jistgħu jkunu ħafna, iżda l-akbar fattur li l-awtoritajiet tas-saħħa qed iħarsu lejh huwa l-fatt li l-poplu għeja f’din il-pandemija, u n-nies qed isiru aktar laxki f’termini tal-miżuri li suppost isegwu. Barra minn hekk qed iħarsu wkoll lejn id-dewmien tal-mewġa tal-varjanti li donnha damet ma daħlet f’pajjiżna.

Malta tidher li ttawwlet il-wasla tal-varjanti tal-Covid-19 fil-komunità, kontra dak li ġarra f’pajjiżi ‘l bogħod minn xtutna. Fearne qal, “imma s-sitwazzjoni inevitabbli ta’ varjant li huwa trasmess aktar faċilment tista’ tkun ir-raġuni ewlenija għaż-żieda riċenti fil-każijiet.”

“L-għan ewlieni tagħna huwa li nattakkaw il-virus. Dan jista’ jsir biss permezz ta’ proċess ta’ tilqim b’suċċess bħal tagħna”, qal Fearne. Huwa spjega wkoll li apparti li nattakkaw il-virus irridu niddefendu ruħna wkoll kontrih u dan jista’ jsir biss billi jiġu infurzati l-miżuri attwali u fejn possibbli jiżdiedu l-multi li huma marbuta mal-ksur tal-miżuri ta’ mitigazzjoni.

Fearne qal li l-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda hija possibbiltà fil-futur qarib.

Facebook / Chris Fearne







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI