Bħalissa xadina allegatament tinsab maħruba f’Malta, skont filmat u informazzjoni li ttellgħu fuq il-midja soċjali mill-paġna Vuċi għall-Annimali.
Il-paġna esprimiet tħassib dwar iż-żamma ta’ annimali eżotiċi u l-periklu li jista’ jinħoloq meta dawn jirnexxielhom jaħarbu mill-post fejn ikunu qed jinżammu. “Dan mhux tad-daħk. Huwa perikoluż għall-annimali u għall-pubbliku,” sostniet il-paġna Vuċi għall-Annimali fil-messaġġ tagħha.
Il-paġna semmiet ukoll każijiet ta’ annimali eżotiċi oħra li jinżammu f’Malta u appellat għal aktar infurzar sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu riskju kemm għall-annimali kif ukoll għan-nies.
Filwaqt li l-informazzjoni dwar din ix-xadina ġiet irrappurtata mill-paġna Vuċi għall-Annimali, fil-ħin tal-kitba għad m’hemmx konferma uffiċjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Facebook/ Vuċi għall-annimali