“X’Ħin Rajtu Liebes Il-Libsa Tal-Preċett, Indunajt Xi Żball Kont Se Nagħmel Kieku Għamilt Abort” – Christiana

Mal-Life Network Foundation, Christiana titkellem dwar kif meta nqabdet tqila ta' 19-il sena kkunsidrat li tagħmel l-abort, u fil-fatt kienet diġà bdiet tipprepara sabiex tkun tista' tagħmel dan il-proċess barra minn xtutna. Madankollu, hi tistqarr li f'dak il-mument tant diffiċli f'ħajjitha sabet persuni qrib tagħha li spjegawlha kif l-abort ma kinitx għażla u li fil-futur kien se jiddispjaċiha.

Christiana tirrakkonta kif minħabba f'hekk għażlet li tkompli bit-tqala. Madankollu, anke meta welldet lil binha Kaylen, hi baqgħet favur l-abort għaliex tistqarr li kienet tifhem l-isfidi li taffaċja tfajla li tinqabad tqila ta' 19-il sena.

L-omm tistqarr li kien biss snin wara meta rat lil binha ta' 11-il sena bil-libsa tal-preċett fi sfond reliġjuż li ntebħet xi żball kbir kienet se tagħmel kieku għamlet abort. "Irrealizzajt li meta tagħmel abort tkun qed tirrifjuta rigal mingħand Alla," ssostni l-omm.

Hi ttemm tappella lil oħrajn li jinsabu fiċ-ċirkostanzi li kienet fihom hi sabiex ifittxu l-għajnuna. "Ngħidilhom biex jaħsbuha u jerġgħu jaħsbuha," appellat Christiana.

L-istorja ta' Christiana reġgħet ingħatat prominenza fuq il-midja soċjali hekk kif għada l-Life Network Foundation Malta se tkun qiegħda tagħmel maratona ġbir ta' fondi.

Ritratti:

Facebook / Life Network Foundation Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI