“Id-Droga Ħaditli Kollox… Kull Oġġett Materjali, Il-Familja U Anke Ħaditli Lili Nnifsi” – Fabian

Fabian, li għal xi żmien f'ħajtu kien vittma tad-droga, jitkellem fuq il-programm Jum Miegħek dwar kemm hu qerriedi l-vizzju tad-droga hekk kif jistqarr li minħabba fih tilef kull ħaġa għażiża li kellu f'ħajtu. "Id-droga ħaditli kollox... kull oġġett materjali li kelli, serqitli l-familja tiegħi, u l-iżjed importanti ħadet lili nnifsi, serqitli l-personalità tiegħi," stqarr hu fi kliemu emozzjonat.

Hu jitkellem dwar is-sens ta' biża' li jwaqqaf lil bosta vittmi oħrajn tad-droga milli jfittxu l-għajnuna. Fabian isemmi kif hawn din il-perċezzjoni żbaljata li meta wieħed ifittex l-għajnuna "se jsib ruħu f'xi ħabs, imċaħħad mil-libertà tiegħu".

Fabian itenni li dan mhuwiex minnu u jsemmi l-varjetà ta' għajnuniet li għaqdiet bħall-Caritas joffru; għajnuniet li jaspiraw li jgħinu persuni maħkuma mill-vizzju tad-droga sabiex jirriformaw ħajjithom għall-aħjar.

Fl-intervista Fabian jirrikonoxxi li lanqas għalih ma kien faċli li jfittex l-għajnuna. "L-ewwel pass kien l-iżjed diffiċli, imma mbagħad wara li rnexxieli nagħmel l-ewwel pass sibt ħafna kuraġġ mingħand persuni differenti," jistqarr Fabian.

Fabian qasam l-istorja tiegħu waqt il-programm Jum Miegħek li jixxandar kull nhar ta' Sibt fl-10:30. F'dan il-programm it-tim tal-programm kellu l-opportunità li jsegwi mill-qrib il-ħidma siewja li twettaq il-Caritas billi ltaqgħu ma' bosta vittmi tad-droga li qed jingħataw l-għajnuna kif ukoll għadd ta' protagonisti li bil-qalb tad-deheb u d-dedikazzjoni tagħhom qed jagħtu l-ħajja lill-Caritas.

Prosit lill-Caritas! Kuraġġ, Fabian.

Ritratti:

Facebook / Jum Miegħek u TVM

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI