Fis-sajf, eluf ta’ persuni jqattgħu ħin fuq il-bajjiet Maltin biex igawdu x-xemx u l-baħar. Iżda biex dawn il-postijiet jibqgħu sbieħ u nodfa, hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna jagħmel il-parti tiegħu.
Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-kampanja ta’ Clean Malta – Cleansing and Maintenance Division, li permezz tal-karattru Xummiemu qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jħallix skart warajh.
Il-messaġġ huwa sempliċi iżda importanti: "Leave only footprints, keep clean" – ħalli biss il-passi tiegħek u żomm nadif.
B’naqra ħsieb nistgħu nagħmlu differenza kbira. Skart bħal fliexken, bottijiet, karti u fdalijiet tal-ikel għandu jintrema fil-kontenituri apposta jew jittieħed magħna jekk dawn ikunu mimlijin.
Hekk inkunu qed nipproteġu mhux biss l-ambjent, iżda wkoll il-ħajja tal-baħar u niżguraw li kulħadd ikun jista’ jgawdi bajjiet nodfa u siguri.
Il-parir ta’ Xummiemu huwa ċar: ix-xemx u l-baħar huma għal kulħadd, u r-responsabbiltà li nżommuhom nodfa hija wkoll ta’ kulħadd.
Huma jiktbu, "Xummiemu m’għandux vaganzi! Filwaqt li ngawdu l-baħar, ejja nagħmlu l-parti tagħna biex inżommu l-bajjiet tagħna nodfa. Li narmu l-iskart fil-post it-tajjeb tagħmel differenza."
Ejjew nieħdu aktar ħsieb!