It-tensjoni u l-eċċitament jinsabu fl-ogħla livelli hekk kif Brillanti Dance 2026 jidħol fl-aħħar fażijiet tiegħu. Is-semifinali issa huma realtà, u l-parteċipanti jinsabu pass biss ‘il bogħod mill-finali kbira, finali li tista’ twassal lir-rebbieħ għal premju impressjonanti ta’ €30,000 biex ikompli jiżviluppa t-talent tiegħu fiż-żfin.
Fadal biss disa’ semifinalisti li għadhom fit-tellieqa, iżda llum wieħed minnhom se jkollu jtemm il-vjaġġ tiegħu u jħalli l-kompetizzjoni. Il-pressjoni qed tiżdied hekk kif kull prestazzjoni issa tista’ tkun deċiżiva.
It-tema ta’ din il-ġimgħa, Yin Yang, mistennija toffri spettaklu uniku u emozzjonanti. Is-semifinalisti se jkollhom juru l-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam ġewwa fihom, bejn dak li huma verament minn ġewwa u dak li juru lid-dinja ta’ barra. Permezz ta’ logħob artistiku bid-dellijiet u s-siluwett, il-parteċipanti se jesprimu l-esperjenzi personali tagħhom, inklużi dawk diffiċli li kull wieħed u waħda minna jgħaddi minnhom tul il-ħajja.
L-ispettaturi jistgħu jistennew wirjiet mimlijin passjoni, kreattività u emozzjoni, hekk kif iż-żeffiena jippruvaw jimpressjonaw lill-ġurija u jiżguraw posthom fil-finali. Imma min se jirnexxilu jispikka? Min se jispiċċa fid-dance-off? U min se jkollu jċedi u jgħid addio lil din l-avventura?
Programm mimli sorpriżi u mumenti li jolqtu l-qalb qed jistenna lill-udjenza, b’emozzjonijiet li se jibqgħu miegħek sa l-aħħar nota.
Appuntament li ma tridx titlef: nhar l-Erbgħa fit-20:35 fuq ONE, għal edizzjoni oħra ta’ Brillanti Dance.