Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret bidla fil-proċeduri taċ-check-in u bag drop li se tidħol fis-seħħ mill-10 ta’ Novembru, fejn dawn is-servizzi se jingħalqu siegħa (60 minuta) qabel it-tluq skedat tal-ajruplan, minflok 40 minuta kif inhu bħalissa.
Il-kumpanija qalet li din il-miżura qed titwettaq biex tagħti aktar ħin lill-passiġġieri biex jgħaddu mis-sigurtà u l-kontroll tal-passaporti fl-ajruporti, u b’hekk tnaqqas iċ-ċans li xi persuni jitilfu t-titjira tagħhom minħabba kjuwijiet.
Fl-istess ħin, Ryanair qed tkompli tespandi s-sistemi ta’ self-service bag-drop, b’aktar minn 95% tal-ajruporti fin-network tagħha mistennija jkollhom dawn il-kiosks sa Ottubru.
Dawn il-kiosks huma integrati mal-app ta’ Ryanair u jippermettu lill-passiġġieri jagħmlu check-in tal-bagalji u jistampaw it-tags huma stess, li jħaffef il-proċess u jnaqqas il-ħin ta’ stennija.
Il-passiġġieri li ma jivvjaġġawx bil-bagalji m’humiex affettwati u jistgħu jkomplu jagħmlu check-in online permezz tas-sit jew l-app qabel jaslu l-ajruport.
Barra minn hekk, minn Novembru tas-sena li għaddiet, Ryanair introduċiet ukoll l-użu obbligatorju ta’ boarding pass diġitali minflok tal-karta, fejn min ma jurix id-dokument diġitali jista’ jeħel multa ta’ €55.