Il-Paġna uffiċjali ta' Innocent Paws qed tappella għall-għajnuna tal-pubbliku biex jinstabu żewġt iklieb mitlufa f’inħawi differenti ta’ Malta. Wieħed mill-appelli issa qed iqajjem tħassib akbar wara aġġornament dwar Mellow, kelba li għadha qed tiġi mfittxija.
L-ewwel appell jirrigwarda kelba tar-razza Beagle li jingħad li ntilfet fl-inħawi taż-Żejtun u Bulebel. Skont Innocent Paws, hija kelba pjuttost ferriħija u għandha mikroċippa. Il-paġna appellat li jekk xi ħadd jilmaħha f’diffikultà, huwa mitlub ma jiġrix warajha, iżda jċempel mal-ewwel fuq in-numru 9908 0806.
L-appell l-ieħor jirrigwarda lil Mellow, li ntilfet f’Ħaż-Żebbuġ. Hija liebsa kullar roża, għandha AirTag u hija wkoll identifikata b’mikroċippa. Skont diversi paġni tal-annimali, ġie ppubblikat li Mellow rnexxielha taħrab billi qabżet ċint għoli madwar tliet metri u enfasizzaw li hija kelba mistħija ħafna tant li m’għandux isir tentattiv biex wieħed jiġri warajha jew jersaq lejha.
F’aġġornament riċenti li ġie ppubblikat fuq Facebook minn Christa Cilia intqal li Mellow intlemħet qrib Tal-Ħandaq, f’Ħal Qormi. Hija rrappurtat li l-kelba ntlaqtet minn karozza, iżda kompliet taħrab. Dawk li jarawha huma ġentilment mitluba jieħdu nota tal-post eżatt fejn dehret u jgħaddu l-informazzjoni minnufih lil min qed jikkoordina t-tfittxija.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jaqsam dawn l-appelli u jiċċekkja l-aħħar aġġornamenti fuq il-paġni rispettivi. In-numru 9908 0806 huwa għall-appell dwar il-Beagle biss; informazzjoni dwar Mellow tista’ tintbagħat permezz tal-paġni ta’ Innocent Paws, Muddy Paws Dog Resort jew Christa Cilia.
Facebook/ Innocent Paws, Muddy Paws Dog Resort & Christa Cilia.