F'messaġġ twil u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, il-preżentatur u personalità ferm magħrufa tar-radju lokali Frank Zammit ħabbar li jinsab viċin li jagħlaq il-kapitlu tiegħu fuq ir-radju, wara li uffiċjalment temm ir-rabta tiegħu mal-istazzjon Vibe FM. Zammit spjega kif minn Ġunju tal-2011, meta ngħaqad mal-istazzjon u ppreżenta l-ewwel show tiegħu, ta l-aħjar tiegħu u għamel bosta sagrifiċċji personali li ftit nies jafu bihom u bl-effetti li ħallew fuqu.
Huwa spjega li meta telaq mir-rwol tiegħu fil-management aktar minn sena ilu, id-deċiżjoni kienet inżammet kwieta sabiex ma ssirx ħsara lill-istazzjon, partikolarment minħabba li kien għadu jippreżenta show darba fil-ġimgħa u xtaq li jara l-istazzjon ikompli jikber. Minkejja dan, huwa stqarr id-diżappunt tiegħu meta ra l-affarijiet jinbidlu u dak li nbena b'tant sagrifiċċju jsir kważi mhux rikonoxxibbli.
Zammit kompla jirrakkonta kif ftit tal-ġimgħat ilu sar jaf minn persuna barra l-istazzjon li kienet qed issir tfittxija għal min jieħu postu fuq l-ajru għax "kien se jitlaq", xi ħaġa li kienet aħbar ġdida għal kollox għalih. Meta ġie msejjaħ għal laqgħa l-għada, huwa għażel li jiffaċilita s-sitwazzjoni għal kulħadd, irritorna ċ-ċwievet u telaq. Huwa enfasizza li jekk wieħed jitkellem kontra l-inġustizzji, in-nuqqas ta' professjonaliżmu u l-ambjenti diffiċli jfisser li s-servizz tiegħu ma jibqax meħtieġ, iqis dan bħala ġid moħbi.
Fl-aħħar nett, Zammit wera gratitudni profonda lejn is-semmiegħa kollha li segwewh u appoġġjawh f'dan il-vjaġġ fuq ir-radju, filwaqt li stqarr li jħares lura b'sodisfazzjon kbir u bla ebda dispjaċir personali.
Awguri għall-futur Frank
Facebook/Frank Zammit