10 Passi Prattiċi Biex Ġenituri Separati Jaħdmu Fl-Aħjar Interess Tat-Tfal – Dr Lynn Chircop Faure Tiddiskuti

F’kitba diretta u mimlija empatija, Dr Lynn Chircop Faure tfakkarna li l-ġenituri responsabbli huma dawk li, minkejja d-diffikultajiet u d-differenzi bejniethom, jibqgħu jfittxu dak li hu fl-aħjar interess tat-tfal tagħhom.

Hija tirrikonoxxi li l-ġenituri mhumiex perfetti u li r-rwol tal-ġenituri qatt mhu wieħed faċli. Madankollu, tisħaq li ħafna drabi aħna stess nafu fejn nistgħu nkunu aħjar. Skont Dr Chircop Faure, l-ewwel u l-aktar pass importanti huwa li wieħed ikun lest jisma’ biex jifhem lill-parti l-oħra, u li jkun hemm impenn komuni biex jiddiskutu pjan ’il quddiem għall-ġid tat-tfal.

Fost il-punti ewlenin li ssemmi hemm il-ħtieġa li titjieb il-komunikazzjoni bejn il-ġenituri. Dan jista’ jfisser li wieħed jitlob l-għajnuna sabiex ikun jista’ jikkomunika b’mod aktar effettiv u matur, dejjem bil-ħsieb li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess tat-tfal. Hija tenfasizza wkoll li hu normali li ma jkunx hemm qbil fuq kollox, iżda li l-uniku punt li għandu jgħaqqad lill-ġenituri huwa dak li hu tassew fl-interess ta’ wliedhom.



Dr Chircop Faure twissi kontra t-telf tal-kontroll u li r-rabja tiddomina l-emozzjonijiet. F’dawk il-mumenti fejn wieħed iħoss li jista’ jitlef il-kontroll, hija tħeġġeġ biex tintalab l-għajnuna ta’ professjonist speċjalizzat li jista’ jgħin biex jinstab kompromess. Dan il-pass, skont tagħha, mhuwiex sinjal ta’ dgħufija imma ta’ responsabbiltà u maturità.



Punt importanti ieħor huwa li l-ġenituri jinformaw ruħhom dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet kollha involuti. Fl-istess ħin, tneħħi l-biża’ li biex jintlaħaq kompromess wieħed bilfors irid jitlef id-drittijiet tiegħu. Minflok, tħeġġeġ għal smigħ attiv u għal riflessjoni fuq l-impatt li d-deċiżjonijiet għandhom mhux biss fuqna, iżda fuq it-tfal tagħna.

Fl-aħħar nett, Dr Chircop Faure tfakkar li l-parti l-oħra, minkejja d-differenzi jew il-kunflitti, tibqa’ omm jew missier uliedna – persuna li t-tfal għandhom bżonn u li aħna stess għażilna għalihom. Ir-rispett, meta jkun reċiproku, jibqa’ l-pedament ta’ relazzjoni ta’ ko-ġenituri b’saħħitha u sostenibbli.

Il-messaġġ tagħha jagħlaq b’kelma waħda li tiġbor kollox: kuraġġ. Kuraġġ li nisma’, li nitgħallem, li nfittixt l-għajnuna u li dejjem inpoġġi l-ġid tat-tfal qabel kollox.



Ritratti:

Facebook / Lynn Chircop Faure

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI