Tlettax-il persuna li rnexxielhom jegħlbu l-vizzju u jibdew kapitlu ġdid f’ħajjithom ingħataw rikonoxximent waqt serata organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
L-attività kienet iddedikata biex tenfasizza s-saħħa tar-riabilitazzjoni u tiċċelebra l-kuraġġ, id-determinazzjoni u r-reżiljenza ta’ dawn it-13-il persuna li rnexxielhom jegħlbu l-isfidi tal-vizzju u jibnu futur ġdid.
L-FSWS spjegat li dan il-vjaġġ ta’ rkupru kien possibbli grazzi għall-kompetenza professjonali, il-kura dedikata u s-sapport kontinwu mogħti minn Aġenzija Sedqa, kemm lill-persuni li fittxew l-għajnuna kif ukoll lill-familji tagħhom matul il-proċess kollu ta’ riabilitazzjoni.
Il-fondazzjoni enfasizzat ukoll l-importanza li s-soċjetà tkompli turi empatija u appoġġ lejn dawk li jkunu għaddejjin minn dan il-proċess, filwaqt li tħeġġeġ biex kulħadd jibqa’ joffri l-inkoraġġiment meħtieġ lil min ikun qed jibni ħajja ġdida.
Skont l-FSWS, billi nkomplu nrawmu l-fehim, noffru sostenn u nibqgħu qrib dawk li jkunu qed jirkupraw, inkunu qed nibnu soċjetà aktar b’saħħitha, ibbażata fuq il-kompassjoni, l-inklużjoni u t-tama.