L-inizjattiva ta' Lewzinmotion waslet fi tmiemha b'suċċess wara 28 jum konsekuttiv ta' sfida, li matulhom mhux biss intlaħqet il-mira inizjali ta' ġbir ta' fondi, iżda nqabeż b'mod sinifikanti.
L-għan kien li jinġabru €4,000 b'appoġġ għall-ħidma favur is-saħħa mentali tal-irġiel. Grazzi għall-ġenerożità u s-solidarjetà tal-pubbliku, inġabru €5,417, qabża ta' aktar minn €1,400 mill-ammont li immiraw għalih.
Matul dawn it-28 jum, il-kampanja ma ffukatx biss fuq il-ġbir ta' fondi, iżda wkoll fuq li tqajjem għarfien dwar l-importanza li l-irġiel jitkellmu dwar is-saħħa mentali tagħhom u jfittxu l-għajnuna meta jkollhom bżonnha.
L-inizjattiva kienet frott il-kollaborazzjoni bejn Forward For Men, Lewzinmotion u Richmond Foundation, li rringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din il-missjoni tirnexxi.
Ringrazzjament speċjali ngħata wkoll lil Sunday Run Club Malta, li laqa' lill-parteċipanti fl-aħħar jum tal-isfida u ta sehmu biex din tintemm f'atmosfera ta' għaqda u appoġġ.
Jirringrazzjaw lil kull min kien parti minn dan il-vjaġġ, u jsemmu dwar kemm jista' jsir ġid meta jkun hemm sforz kollettiv biex isir il-ġid.