L-Akkademiku Prof. Paul J. Pace ingħata l-Buonamico Award 2026 waqt l-ERA Awards, iċ-ċerimonja annwali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li tirrikonoxxi individwi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet għall-kontribut tagħhom favur il-ħarsien tal-ambjent u s-sostenibbiltà.

Iċ-ċerimonja saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, li ppreżentat il-Buonamico Award lill-Prof. Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma estensiva tiegħu fil-qasam tal-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli. Tul il-karriera tiegħu fl-Università ta’ Malta, huwa ta kontribut importanti fl-iżvilupp tal-edukazzjoni ambjentali, il-politiki nazzjonali u diversi inizjattivi ta’ għarfien dwar is-sostenibbiltà.

Matul l-istess serata, l-Ispecial Recognition Award ingħata lil Angelique Lofaro għall-impenn tagħha fil-konservazzjoni tal-fawna selvaġġa, b’mod partikolari fil-protezzjoni tal-fkieren tal-baħar u l-ħidma tagħha ma’ Nature Trust Malta.
Fost il-premjijiet ewlenin l-oħra:
- Il-Corporate Award for Environmental Innovation and Sustainability ingħata lill-HSBC Malta Foundation għall-proġett sostenibbli tal-HSBC Qormi Hub.
- L-Environmental Stewardship Award mar għand il-Heritage Parks Federation għar-restawr ekoloġiku tar-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).
- Il-Green Public Leadership Award ingħata lill-Malta Food Agency għall-pjattaforma Żomm! Tarmix, li mill-2025 għenet fit-tqassim mill-ġdid ta’ aktar minn 250 tunnellata ta’ ikel u naqqset il-ħela tal-ikel.
- Il-Green School Scheme Award ingħata lil Our Lady Immaculate School (Ħamrun) għal proġett innovattiv ta’ spazji edukattivi sostenibbli, li se jkun appoġġjat mill-ERA b’finanzjament sa €10,000.
L-ERA Awards għal darb’oħra enfasizzaw il-ħidma ta’ individwi u organizzazzjonijiet li, permezz ta’ inizjattivi innovattivi, qed jagħtu kontribut konkret lejn il-protezzjoni tal-ambjent u futur aktar sostenibbli għal Malta.