Dennis Thornton, wieħed mill-aktar qaddiefa ta’ suċċess fl-istorja tar-Regatta Maltija, qed itemm il-karriera tiegħu wara snin twal ta’ kompetizzjoni, rebħ u suċċessi. F’dan il-mument speċjali, ibnu sellimlu b’messaġġ emozzjonanti. “Illum jirtira l-aqwa parasija fl-istorja tar-Regatta u, argumentabbilment, l-aqwa qaddief li qatt kien hawn s’issa, imma fuq kollox illum jirtira l-għażiż missieri,” kiteb.
Tul il-karriera tiegħu, Thornton kiseb aktar minn 60 palju tal-ewwel post u baqa’ jikkompeti fl-ogħla livell sal-età ta’ 50 sena. Huwa kiseb suċċessi ma’ diversi distretti, fosthom Bormla, il-Marsa, Marsamxett u l-Isla. Madankollu, ibnu saħaq li l-wirt ta’ missieru jmur ferm lil hinn min-numri u r-rebħiet. “Dennis Thornton hu dak kollu li hu minħabba li biddel l-isport u kif evolvieh matul iż-żmien. In-nies kienu jgħidu, ‘Fejn imur Thornton, tmur ix-shield.’”
Hu rringrazzjah ukoll għall-memorji li tah tul is-snin, “Minn tifel żgħir paxxejtni narak u ferraħtni kif ferraħt lin-nies kollha tar-Regatta.” Temm il-messaġġ tiegħu billi qal li, irrispettivament mir-rivalitajiet li jagħmlu parti mill-isport, ħadd ma jista’ ma jirrispettax lil Dennis Thornton “tal-qaddief, u l-aktar importanti, tal-bniedem li int.”
Tislima mill-qalb għal karriera li żgur ħalliet il-marka tagħha fl-istorja tar-Regatta Maltija.
Facebook / Dennis Thorton