Il-Festa ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop reġgħet waslet, hekk kif wieħed mill-irħula l-aktar antiki u pittoreski ta’ Malta qed iħejji għal tmiem il-ġimgħa mimli tradizzjoni, mużika, spettaklu u devozzjoni. L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom bejn l-10 u t-12 ta’ Lulju, b’programm varjat li jinkludi marċi brijużi, wirjiet tan-nar, funzjonijiet reliġjużi u l-purċissjoni tradizzjonali.

Il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju se tkun ġurnata speċjali għas-Sezzjoni Żgħażagħ Ġużeppini fi ħdan is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, li se tkun qed tfakkar it-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Mid-21:00 ’il quddiem se jsir marċ kbir li jilħaq il-qofol tiegħu għall-ħabta tal-22:30 fiċ-ċentru tar-raħal.
Matul il-lejla se tieħu sehem il-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq, filwaqt li l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn ħruq ta’ murtali, inawgurazzjoni ta’ proġett artistiku ġdid għall-armar, nar sinkronizzat mal-mużika, feature awdjoviżiv u l-briju tal-partitarji Ġużeppini. Is-serata se tkun animata wkoll mill-kantanti Amber Grace u Kevin Paul Calleja, flimkien ma’ DJ Filletti.

L-għada, is-Sibt 11 ta’ Lulju, il-festi jkomplu bl-ispettakli tan-nar tal-ajru, tan-nar tal-art u wirja ta’ nar sinkronizzat mal-mużika – element li għalih il-festa ta’ Ħal Kirkop hija magħrufa u apprezzata minn ħafna dilettanti.
Fl-aħħar nett, il-Ħadd 12 ta’ Lulju, Jum il-Festa, se jkun iddedikat kemm għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi kif ukoll għal dawk esterni. Wara l-funzjonijiet fil-knisja, isir il-marċ ta’ wara nofsinhar u aktar tard il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp tgħaddi mit-toroq karatteristiċi tar-raħal, akkumpanjata mill-baned u l-logħob tan-nar.

Għal dawk li jħobbu l-atmosfera tal-festi Maltin, il-Festa ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop toffri taħlita mill-isbaħ ta’ tradizzjoni, devozzjoni u divertiment li żgur ta’ min jesperjenzaha.