Il-Kantanta Lokali Lyndsay Pace Tirbaħ Il-Europop Category Fl-InterContinental Music Awards 2026

Lyndsay Pace

L-artista Maltija Lyndsay Pace tikseb rebħa ohra internazzjonali prestiġjuża bil-kanzunetta “Fireproof” li kienet hadet sehem biha fil-Malta Eurovision Song Contest fl-2024.

Lyndsay qed tiċċelebra kisba importanti fix-xena mużikali internazzjonali wara li ġiet inkurunata rebbieħa fil-kategorija Euro Pop fl-InterContinental Music Awards 2026.

Din ir-rebħa tkompli tikkonferma l-preżenza ta’ Lyndsay dejjem qed tikber fix-xena internazzjonali u tirrappreżenta mument ta’ hunur kbir għall-artista Maltija. “Fireproof” irnexxielha tħalli l-marka tagħha fost parteċipanti minn diversi pajjiżi u wasslet lil Lyndsay biex tikseb dan ir-rikonoxximent prestiġjuż.

Għal Lyndsay, din ir-rebħa hija xhieda tal-passjoni, tad-dedikazzjoni u tax-xogħol li tkompli tpoġġi fil-mużika tagħha. “Fireproof” hija kanzunetta li twassal messaġġ ta’ saħħa, determinazzjoni u reżiljenza, temi li jirriflettu wkoll il-vjaġġ artistiku tagħha.

“Din ir-rebħa tfisser ħafna għalija. Li nara ‘Fireproof’ tiġi rikonoxxuta fuq livell internazzjonali hija emozzjoni inkredibbli u konferma li l-mużika m’għandhiex fruntieri. Jiena grata immens għal dan ir-rikonoxximent u għall-persuni kollha li jkomplu jemmnu fija u fil-mużika tiegħi,” qalet Lyndsay.

Din il-kisba tkompli ssaħħaħ sena eċċezzjonali għall-artista, li matul l-2026 kompliet taħdem fuq proġetti mużikali ġodda u tieħu sehem f’diversi avvenimenti u inizjattivi kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Ir-rebħa tal-Euro Pop Category fl-InterContinental Music Awards 2026 hija pass ieħor importanti fil-karriera ta’ Lyndsay u tkompli tpoġġi t-talent Malti fuq il-mappa internazzjonali tal-mużika.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI