Chellcy Reitsma, artista ibbażata Malta, kisbet suċċess internazzjonali wara li nhar il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu 2026, rebħet il-premju Best of European Rock fl-InterContinental Music Awards (ICMA), f’Los Angeles, California.
Reitsma rebħet dan il-premju bil-kanzunetta Chemicals, miktuba minnha stess. Mużika ta' Alan Degabriele, filwaqt li l-produzzjoni u l-pubblikazzjoni saru minn The Animal Farm Music f’Londra.
Il-mastering tal-kanzunetta sar minn Levi Owen ta’ Hafod Mastering f’Wales.
L-InterContinental Music Awards huwa pjattaforma internazzjonali li tirrikonoxxi artisti mużikali skont l-oriġini kulturali u kontinentali tagħhom.

Imwaqqfa f’Los Angeles, l-organizzazzjoni tagħti lill-artisti indipendenti u professjonali l-opportunità li jiksbu rikonoxximent internazzjonali, espożizzjoni u opportunitajiet li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-karriera tagħhom.
Apparti dan, aktar kmieni fl-2026, rebħet sitt premjijiet fl-European International Music Award, u ġiet ukoll nominata fil-World Entertainment Awards f’Hollywood għall-kanzunetta Dark Times, fil-kategorija Best Alternative Rock Song.
Chellcy attendiet ukoll l-avveniment tat-tapit l-aħmar għall-premjijiet f’Hollywood, kif ukoll iċ-ċerimonji tal-Grammy fl-istess weekend, wara li saret Grammy Voting Member għall-ewwel darba.
Prosit kbira lil Chellcy Reitsma għal dan is-suċċess internazzjonali u għal din il-kisba prestiġjuża!