Tliet mudelli Maltin kisbu suċċessi mill-isbaħ fil-kompetizzjoni Diamond EU, u issa se jkollhom l-unur li jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali.
Nicole ġiet inkurunata Miss Junior Diamond EU, wara li impressjonat bil-prestazzjoni tagħha u bid-dedikazzjoni li wriet matul il-vjaġġ tagħha fil-kompetizzjoni. Minkejja l-età żgħira tagħha, Nicole wriet impenn kbir u ħidma kontinwa biex tilħaq dan is-suċċess.
Laura kisbet it-titlu ta’ Teen Diamond EU Winner, f’rebħa li tkompli tibrilla fit-talent tagħha fid-dinja tal-immudellar. L-istilista lokali Gaetano jisħaq li minn meta Laura kienet immudellat għall-ewwel darba fi Sqallija, kien diġà ra l-potenzjal tagħha u l-kapaċità li tkompli tgħolli l-isem ta’ Malta fix-xena internazzjonali.

It-tielet rebħa waslet għand Sharleen, li kisbet it-titlu ta’ Ms Diamond EU. Hi wkoll ħadmet b’mod intensiv biex tasal għal dan ir-riżultat u issa għandha l-privileġġ li ġġorr dan it-titlu f’isem Malta, b’responsabbiltà u kburija.
Gaetano esprima l-kburija tiegħu għat-tliet mudelli u għall-membri kollha tat-tim. Huwa ddeskriva l-vjaġġ ta’ din is-sena bħala wieħed straordinarju u faħħar lil Nicole, Laura u Sharleen għad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom.

Is-suċċess tagħhom se jwassalhom għal sfida saħansitra akbar. F’Awwissu tas-sena d-dieħla, Nicole, Laura u Sharleen se jirrappreżentaw lil Malta f’Las Vegas fil-konkors internazzjonali Global Icon, flimkien ma’ Mariah Muscat, Miss Diamond Malta, u Marvic Fenech, Miss Curve Malta.
Gaetano jsemmi anke diversi mudelli oħra li wara ħidma kontinwa, kisbu riżultati mill-aqwa. Nawguraw lill-mudelli kollha!
