“L-Għargħar Ġarr Vetturi U L-Maltemp Ħalla Ħerba Warajh … Raġel Tilef Ħajtu Wara Li Ntlaqat Minn Sajjetta” – Maltese Islands Weather

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Maltese Islands Weather tkellmu dwar il-maltempati tal-bidu ta’ Settembru tal-2012, 14-il sena ilu, li kienu vjolenti immens.

Qalu, “Kienu proprju l-maltempati memorabbli tat-2 u t-3 ta’ Settembru 2012 li servew ta’ katalista għat-twaqqif ta’ Maltese Islands Weather, dak iż-żmien magħrufa bħala Gozo Weather Page. Fi spazju ta’ 24 siegħa, tliet maltempati vjolenti laqtu lill-Gżejjer Maltin: waħda filgħaxija tal-Ħadd 2 ta’ Settembru, oħra fis-sigħat bikrin tat-Tnejn 3 ta’ Settembru, u t-tielet matul waranofsinhar tal-istess jum.”

Żiedu, “L-ewwel tnejn ġabu magħhom irwiefen qawwija u silġ imdaqqas, filwaqt li t-tielet waħda wasslet għal sigħat ta’ xita torrenzjali. F’lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta tkejlu aktar minn 150 mm ta’ xita. L-għargħar ġarr vetturi u l-maltemp ħalla ħerba warajh, fosthom f’lokalitajiet li kienu qed jiċċelebraw il-festa. Traġikament, raġel tilef ħajtu wara li ntlaqat minn sajjetta. Dawn il-maltempati waslu wara 120 jum mingħajr xita, meta arja ferm aktar kiesħa niżlet minn fuq l-Ewropa u ltaqgħet ma’ Mediterran sħun ħafna wara sajf ta’ sħana rekord - taħlita ideali għal instabbiltà qawwija.”

“U minn dawk il-maltempati... bdiet l-istorja tagħna. 14-il sena wara, għadna hawn insegwu t-temp tal-Gżejjer Maltin magħkom. Tiftakruhom il-maltempati tat-2 u t-3 ta’ Settembru 2012? X’tiftakru minnhom?”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI