Il-Gvern jikkonferma li għal darb’oħra, kif jiġri f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, in-negozji u residenzi li esperjenzaw interruzzjonijiet fit-tul fil-provvista tad-dawl, u damu aktar minn sitt sigħat se jkunu intitolati għal kumpens.
Il-pagament qed jingħata minħabba l-effetti tal-mewġa ta’ sħana estrema u bla preċedent fit-tul, b’medja ta’ aktar minn 40 grad Celsius.
Is-sistema, li diġà ġiet applikata fis-snin li għaddew, hija maħsuba biex tagħti sostenn lil dawk milquta minn qtugħ fit-tul fil-provvista.

Ritratt: Facebook/ Enemalta
“Il-prijorità tagħna kienet u tibqa’ li l-provvista tal-elettriku tiġi rrestawrata fl-iqsar żmien possibbli. Fl-istess waqt, irridu intaffu mid-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw in-nies f’dan il-perjodu. Għalhekk se nerġgħu napplikaw l-iskema ta’ kumpens, li diġà tħaddmet, filwaqt li nkomplu għaddejjin bl-investiment bla preċedent fis-settur tal-enerġija,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-mewġa intensa ta’ sħana li qed tolqot lill-Gżejjer Maltin wasslet biex d-domanda għall-elettriku laħqet rekord ta’ 741MW matul il-jum tat-Tlieta, ferm ogħla mir-rekord preċedenti ta’ 663MW irreġistrat fis-sajf tal-2023. Din id-domanda eċċezzjonali poġġiet pressjoni kontinwa fuq in-network tad-distribuzzjoni.
Il-Gvern jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Enemalta li, f’kundizzjonijiet diffiċli u temperaturi estremi, qed ikomplu jaħdmu bla waqfien biex jagħtu lura l-provvista u jassistu lill-komunitajiet affettwati. Il-Gvern jirringrazzja wkoll lill-pubbliku tal-koperazzjoni li wera matul dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.
Facebook/ Miriam Dalli