33 Sena – Il-Punt F’Ħajtek Fejn Il-Gosti Mużikali Tiegħek Bħal Qishom Jiffriżaw!

Hemm mument interessanti fil-ħajja ta’ ħafna nies li ftit jindunaw bih, imma li għandu impatt qawwi fuq kif nisimgħu l-mużika. Skont diversi studji u data miġbura minn pjattaformi bħal Spotify, jidher li madwar l-età ta’ 33 sena, ħafna nies jibdew jitbiegħdu mill-mużika popolari tal-mument. Dan il-fenomenu għandu anke isem: “taste freeze”.

Dan ma jfissirx li nies fit-tletinijiet tagħhom jieqfu jisimgħu l-mużika – lanqas biss. Imma jfisser li l-interess tagħhom fil-“Top 40” u hits ġodda jonqos drastikament. Minflok, jibdew jiffokaw aktar fuq mużika li diġà jafu jew li tmiss aktar il-gosti personali tagħhom.

It-terminu “taste freeze” jingħaqad ma’ oħrajn relatati mat-tkabbir fl-età bħall-“mom jeans” jew “dad bod”. Huma kollha jirrappreżentaw bidliet li jiġru b’mod naturali, iżda li kultant jidħlu b’ċertu umoriżmu.

Interessanti biżżejjed, “taste freeze” ma jfissirx li l-gosti jieqfu jiżviluppaw. Fil-fatt, skont id-data, jiġri l-kontra: il-gosti jinfirxu. Ħafna nies jibdew jesploraw ġeneri ġodda bħall-mużika klassika, jazz, jew mużika minn kulturi differenti. Madankollu, fejn tidħol mużika pop ġdida, ħafna jibqgħu jsegwu artisti li diġà kienu jħobbu meta kienu iżgħar, bħal Beyoncé, Lady Gaga jew U2, aktar milli artisti ġodda.

Studju interessanti li sar fil-ktieb Head in the Cloud juri kemm dan il-fenomenu hu reali. Meta persuni ‘l fuq minn 30 sena ntalbu jidentifikaw artisti minn ritratti, biss 56% irnexxielhom jagħrfu lil Kanye West, minkejja l-preżenza kbira tiegħu fil-midja. Min-naħa l-oħra, 74% għarfu lil Snoop Dogg, li beda l-karriera tiegħu lura fl-1992.

Dan juri kemm il-mużika li nisimgħu fi żmien żgħożitna tibqa’ magħna. Hija marbuta mal-memorji, l-esperjenzi u l-identità tagħna, u għalhekk diffiċli tinbidel kompletament.

Illum il-ġurnata, bl-avvanz tal-istreaming, il-“taste freeze” jista’ saħansitra jiżdied. Illum kulħadd jista’ jkun DJ – noħolqu playlists personalizzati u naqsmuhom ma’ nies li għandhom l-istess gosti u età. Dan ifisser li aktar milli niskopru mużika kompletament ġdida, ħafna drabi nibqgħu ġewwa “bubble” mużikali tagħna stess.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-“taste freeze” mhuwiex xi ħaġa negattiva. Huwa biss riflessjoni ta’ kif aħna nibnu relazzjoni personali mal-mużika tul ħajjitna. U forsi, xi kultant, huwa wkoll tifkira li għandna nkomplu nippruvaw nisimgħu xi ħaġa ġdida – anke wara t-33 sena.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI