48 Siegħa Intensivi Għal AIDAN Qabel Il-Finali Tal-Eurovision T’Għada

Aidan Malta

Wara prestazzjoni mill-aqwa fit-tieni semi-finali, Malta kkwalifikat għall-Finali tal-Eurovision Song Contest.

Minnufih wara li spiċċa l-ispettaklu, saret il-polza biex jiġi determinant f’liema pozizzjoni se jkantaw l-artisti.

Filwaqt li l-kantanti setgħu jitilgħu fl-ewwel nofs, fit-tieni nofs, jew bħala ‘Producer’s Choice’, Malta telgħet il-‘Producer’s Choice’.



Ftit sigħat wara, l-European Broadcasting Union ħabbret il-lista sħiħa, u Malta se tkun qed tkanta fl-għaxar post minn fost il-25 kanzunetta li se jikkompetu.



L-48 siegħa li ġejjin se jkunu intensivi għat-tim kollu b’diversi preparamenti mal-ġurnata. L-iskeda bdiet dalgħodu bir-rehearsal tal-parata tal-bnadar, li tipprepara l-artisti għall-ftuħ tal-finali li naraw kull sena.

Wara ssir prova sħiħa tal-ispettaklu, u mbagħad mill-ewwel jibdew il-provi għall-ġurija. Il-prova tal-lejla hija importanti daqs l-ispettaklu t’għada.

Il-ġurija professjonali minn kull pajjiż se tkun qed issegwi u tivvota llejla stess. Dan huwa mument kruċjali għax ir-riżultat finali tal-Eurovision jiddependi minn 50% tal-voti tal-ġurija u 50% mill-voti tal-pubbliku (televoting).

Wara din il-kwalifikazzjoni u s-sapport kbir li rċieva, AIDAN wera l-apprezzament tiegħu u qal, ‘Ninsab emozzjonat u mmeraviljat bl-ammont kbir ta’ messaġġi u s-sapport li qed nirċievi mill-pubbliku Malti.

Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd mill-qalb għall-appoġġ tagħkom u nwiegħed li għada se nagħti kollox biex nagħmel lil Malta saħansitra aktar kburija.’

Il-Finali ta’ din is-70 edizzjoni tal-Eurovision, li qed isir f’Vienna, se jsir għada, bil-votazzjoni tal-pubbliku tkun miftuħa mill-bidu nett tal-ispettaklu.

Minħabba li mill-gżira tagħna ma nistgħux nivvutaw għal pajjiżna stess, id-delegazzjoni Maltija qed terġa’ tagħmel appell lil dawk kollha li jgħixu barra minn Malta, jew li għandhom ħbieb u qraba barra l-pajjiż, biex jagħtu s-sapport tagħhom lil Malta.

Għal dawk kollha li jixtiequ jidħlu aktar fl-atmosfera, l-official TVM Eurovision Fanzones se jkunu miftuħa f’Campus Hub u l-Belt Valletta biex kulħadd igawdi l-ispettaklu flimkien.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI